Futbol Sport

Milan megħluba fil-Greċja u eliminati b’sorpriża mill-UEFA Europa League

(Ritratt: EPA)

Milan kienu eliminati b’sorpriża mill-fażi tal-gruppi tal-UEFA Europa League hekk kif tilfu 3-1 kontra Olympiacos. Qabel il-logħba, rebħa, draw jew telfa b’differenza ta’ gowl kienu tajjeb għal Milan biex jikkwalifikaw, iżda wirja tajba fit-tieni taqsima għat-tim Grieg wassal għal dan id-diżappunt ta’ Milan.

Olympiacos fetħu l-iskor mas-siegħa logħob b’PAPE ABOU CISSE jiskorja mill-qrib b’daqqa ta’ ras biex għaxar minuti wara rduppjaw b’awto-gowl ta’ Cristian Zapata li xellef xutt fil-baxx li spiċċa qarraq b’Reina. Reazzjoni immedjata ta’ Milan li żewġ minuti wara naqqsu d-distakk proprju b’gowl ta’ CRISTIAN ZAPATA, gowl li kien konfermat bil-Goal Line Technology. Iżda l-Griegi ngħataw penalty fit-80 minuta għal dak li ġie ġġudikat bħala fawl ta’ Ignazio Abate fuq Vasilios Torosidis. Mill-11-il metru KONSTANTINOS FORTOUNIS għeleb lil Reina b’xutt fil-baxx.

It-tim Taljan l-ieħor Lazio wkoll kien megħlub, b’telfa ta’ 2-1 kontra Eintracht Frankfurt, b’Lazio kienu diġà kkwalifikaw. B’din ir-rebħa l-Ġermaniżi flimkien ma’ Red Bull Salzburg huma l-uniċi li rebħu s-sitt logħbiet tagħhom fil-grupp. JOAQUIN CORREA kien poġġa lil Lazio minn fuq fis-56 minuta, iżda MIJAT GACINOVIC ġab id-draw fil-65 minuta bi ġmiel ta’ xutt, biex SEBASTIEN HALLER skorja l-gowl tar-rebħa sitt minuti wara minn qagħda ideali wara li rċieva passaġġ mill-isbaħ.

Arsenal għelbu lil Qarabag 1-0 b’gowl ta’ ALEXANDRE LACAZETTE wara 16-il minuta filwaqt li Chelsea spiċċaw 2-2 kontra Vidi. WILLIAN kien fetaħ l-iskor wara nofs siegħa, iżda l-Ungeriżi dawru l-iskor l-ewwel żewġ minuti wara b’awto-gowl ta’ Ethan Ampadu u LOIC NEGO fis-56 minuta. OLIVIER GIROUD ġab id-draw fl-aħħar kwarta.

Ir-riżultati kollha

Grupp A – AEK Larnaca v B. Leverkusen 1-5 , Ludogorets v Zurich 1-1

Grupp B – Celtic v Red Bull Salburg 1-2 , Leipzig v Rosenborg 1-1

Grupp Ċ – Copenhagen v Bordeaux 0-1 , Slavia Praga v Zenit 2-0

Grupp D – D. Zagreb v Anderlecht 0-0 , Spartak Trnava v Fenerbahce 1-0

Grupp E – Arsenal v Qarabag 1-0 , Sporting v Vorskla 3-0

Grupp F – Dudelange v R. Betis 0-0 , Olympiacos v Milan 3-1

Grupp Ġ – Rapid Vienna v Rangers 1-0 , Villarreal v Spartak Moscow 2-0

Grupp H – Lazio v Eintracht Frankfurt 1-2 , O. Marseille v Apollon Limassol 1-3

Grupp I – Besiktas v Malmo 0-1 , Genk v Sarpsborg 4-0

Grupp J – Akhisarspor v S. Liege 0-0 , Sevilla v Krasnodar 3-0

Grupp K – D. Kyiv v Jablonec 0-1 , Rennes v Astana 2-0

Grupp L – PAOK v BATE Borisov 1-3 , Vidi v Chelsea 2-2

It-timijiet kwalifikati għal mal-aħħar 32 (jiżdiedu magħhom it-tmien timijiet li spiċċaw fit-tielet post fil-gruppi tal-UEFA Champions League)

Grupp A – Bayer Leverkusen u FC Zurich , Grupp B – Red Bull Salzburg u Celtic , Grupp Ċ – Zenit u Slavia Praga , Grupp D – Dinamo Zagreb u Fenerbahce , Grupp E – Arsenal u Sporting , Grupp F – Real Betis u Olympiacos , Grupp Ġ – Villarreal u Rapid Vienna , Grupp H – Eintracht Frankfurt u Lazio , Grupp I – Genk u Malmo , Grupp J – Sevilla u Krasnodar , Grupp K – Dynamo Kyiv u Rennes , Grupp L – Chelsea u BATE Borisov