Lokali

Neville Gafa’: persuna non grata fil-Libja

‘Lil Joseph Muscat jien ma nistax insejjaħlu aktar Prim Ministru ta’ pajjiżi meta nara li hemm fatti ċari u xorta waħda qed jibqa’ jiddefendi lil Neville Gafa’.

Dan qalu Ivan Grech Mintoff, mexxej tal-Alleanza Bidla, meta kien mistieden fil-programm Net Live, fid-dawl tas-saga marbuta ma’ Neville Gafa, saga li Grech Mintoff sejħilha bħala pantomima tal-Milied. Dan wara li f’dawn l-aħħar jiem ħafna qed jistaqsu l-mistoqsija, li sa issa donnu għaliha mhemmx tweġiba dwar ma’ min hu impjegat eżattament Neville Gafa.

Dan fid-dawl ta’ dikjarazzjonijiet li ħarġu fl-aħħar jiem fejn kemm il-Prim Ministru, kif ukoll il-Ministru tas-Saħħa u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin, kollha qalu li Neville Gafa mhuwiex impjegat magħhom.

Fl-intervent tiegħu Grech Mintoff għal aktar minn darba sejjaħ lil Joseph Muscat bħala l-ex-Prim Ministru ta’ Malta u jistaqsi x’inhi r-raġuni wara dan l-aġir ta’ Joseph Muscat. Grech Mintoff sejjaħ li hu inaċċettabli li l-Prim Ministru qed jibqa’ jiddefendi lil xi individwi u jistaqsi jekk hemmx xi mottiv sekondarju li qed iżommu milli jieħu azzjoni.

Għal Grech Mintoff, l-iskandlu tal-visas mediċi mhuwiex l-uniku kas li għandu jiġi investigat b’mod serju. Semma ukoll it-88,000 visas tas-Schengen li ingħataw, mingħajr ma’ ħadd ma jaf lil min. Barra minn hekk, hu fatt gravi ukoll li Gafa qed ikun deskritt bħala persona non grata fil-Libja.

Dan kollu għal darb’oħra qed iħalli tebgħa kerha fuq ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna għax mhux aċċettabli li l-Prim Ministru jibqa’ jiddefendi lill-klikka tiegħu.