Il-Ħadd 25 ta’ Novembru, proprju f’Jum il-Festa Liturġika ta’ Santa Katarina Vergni u Martri Patruna taż-Żejtun, is-Soċjeta’ Mużikali Beland taż-Żejtun nhediet CD Album ġdid ta’ marċi brijużi bl-isem, Festività.
Dan is-CD Album jiġbor fih għadd ta’ marċi brijużi li ħarġu mill-pinna ta’ għadd ta’ Surmastrijiet li mexxew il-Banda Beland u li għanew lil din il-Banda b’mużika melodjuża mill-isbaħ matul iż-żminijiet.
Dan l-Album qed jimmarka l-qofol ta’ proġett li ttella’ matul din is-sena, bis-sehem tal-Membri tal-Kummissjoni Banda, il-Bandisti tal-Post tal-Banda Beland megħjuna minn xi volontiera fi ħdan is-Soċjeta’ Beland u ffinanzjat mill-iskema Small Initiatives Support amministrata mill-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat għall-proġett bl-isem ‘L-Evoluzzjoni tal-Marċ Brijuż’.
Hija proprju din l-evoluzzjoni t-tema prinċipali ta’ din is-CD; evoluzzjoni illi fl-Arkirvji rikki illi għandha s-Soċjetà Mużikali Beland taż-Żejtun hi tant rappreżentata bil-varjazzjoni u stili partikolari illi jmorru lura lejn l-1860, sal-ġurnata tal-llum. Bħala waħda mill-ewwel Baned li twaqqfu f’pajjiżna, l-Banda Beland għandha l-potenzjal li permezz tar-repertorju vast tagħha tagħti l-evidenza ta’ din l-evoluzzjoni u fl-istess waqt iżżid l-apprezzament popolari lejn il-marċ brijuż Malti.
Għal dan il-proġett kien meħtieġ siegħat twal ta’ riċerka estensiva fl-arkivji tal-Banda. Kien meħtieġ illi jsiru xi riproduzzjonijiet ta’ partituri tal-mużika u xi arranġamenti fuq strumenti partikolari ta’ marċijiet li nkitbu l-fuq minn mitt sena ilu b’mod diġitali. Dan sar ukoll sabiex jibqa’ jitgawda dan il-patrimonju kulturali.
L-Album Festività jikkonsisti f’16-il marċ brijuż li inktibu bejn is-Sena 1901 u l-2018. Insibu żewġ kompożizzjonijiet tal-ġenju mużikali u Surmast ċelebri, iben is-Soċjetà Mużikali Beland, Maestro Carlo Diacono u marċi miktuba minn diversi kompożituri b’konnessjoni mal-Banda Beland, fosthom is-Surmastrijiet Antonio Miruzzi, Carmelo Scicluna, Carmelo Baldacchino, Gian Marie u Hector Dalli, Orazio Cachia u mis-Surmast Direttur attwali Maestro Ray Sciberras.
//= $special ?>