Lokali

Minn fejn ġew u fejn marru l-flus għall-WhiteFlag?

“Minn fejn ġew il-flus u fejn marru jekk xahrejn wara l-bajjiet li suppost huma totalment mingħajr plastic jinsabu miżgħuda bl-iskart?”

Dan staqsietu fuq il-midja soċjali l-attivista favur l-ambjent minn Din l-Art Ħelwa Ghislaine Calleja, hekk kif ippublikat numru ta’ ritratti fejn juru l-Bajja ta’ Għajn Tuffieħa fi stat diżastruż xahrejn biss wara li din il-bajja, flimkien ma’ 7 oħra, ġiet dikkjarata ‘Plastic and Marine Litter Free’ u għaldaqstant ingħatat il-WhiteFlag, mill-WhiteFlag International.

L-attivista saħqet li mal-€175,000 intefqu s’issa sabiex suppost tnaddfu dawn il-bajjiet li bl-aktar mod ċar jidher li hemm xi ħaġa li mhux qed treġġi. Hija staqsiet fuq liema bażi l-Ministeru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima tgħat l-appoġġ lil dan il-proġett, u x’inhi l-istrateġija ‘il quddiem. Calleja staqsiet ukoll min huma verament WhiteFlag International.

Meta mistoqsi min-Net News dwar diversi mistoqsijiet li tqajmu mill-Kelliem Nazzjonalista għall-Ambjent Jason Azzopardi, il-Ministru Josè Herrera stqarr li hu ġie avviċinat minn NGO bl-isem ta’ ‘White Flag International’. Meta ġie mistoqsi dwar jekk jafx li l-moħħ wara din l-NGO White Flag International hu persuna ta’ nazzjonalita’ Kroata bl-isem ta’ Kristijan Curavić u li għandu allegazzjonjijiet ta’ frodi – il-Ministru qal li ma fehemx l-allegazzjonijiet li saru fil-konfront tiegħu.

Il-Ministru qal ukoll li Curavić, mhux se jitħallas mill-Ministeru tiegħu. Madanakollu stqarr li ma saret l-ebda due dilligence u ma jafx jekk hemmx xi ftehim mas-settur privat dwar ħlas mingħandhom, għaliex hu responsabbli biss mill-pagamenti li joħorġu mill-Ministeru.

B’hekk il-Ministru Herrera ma ċaħadx jekk ir-rapporti fil-media li allegaw li kien hemm rappreżentanti mill-Ministeru tiegħu li marru jkellmu diversi kumpaniji privati fis-settur tal-igaming li talbu biex iħallsu sponsorship lill-White Flag International seħħewx verament.

Skont is-sit onlajn ta’ WhiteFlag International dawk li japplikaw għal dan it-titlu jintrabat b’kuntratt ta’ 5 snin.

S’issa kull ma jaf il-poplu huwa li dan kollu ġie jqum mal-€175,000 – iżda li ma jafx huwa minn fejn ġew il-flus, fejn marru u għal liema skop intefqu jekk ir-riżultati mhux qed jidhru.