Il-kuntistabbli Simon Schembri aktar kmieni dalgħodu ingħata l-Midalja għall-Qadi tar-Repubblika f’ċerimonja li saret fil-Palazz Presidenzjali – unur illi ingħata għas-sehem li dejjem ta b’ħidma kontinwa u dedikata fil-Korp tal-Pulizija.
Wara l-aggressjoni li sofra aktar kmieni din is-sena, Schembri waqqaf il-Blue Light Foundation biex tkun ta’ appoġġ għal uffiċċjali li jiġu bżonn sostenn finanzjarju minħabba sitwazzjonijiet diffiċli.
Matul iċ-ċerimonja ta’ din is-sena, il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca, tat ħatriet fl-Ordni Nazzjonali tal-Meritu lil tnax-il persuna, tnejn minnhom fuq bażi onorarja u persuna wara mewtha. Għaxar persuni oħra ngħataw il-Midalja għall-Qadi tar-Repubblika. Wieħed minn dawn tal-aħħar ingħata l-unur fuq bażi onorarja.
Fost dawk li irċievew l-unuri f’din il-festa nazzjonali kien hemm ukoll Tonio Borg, eks Ministru u eks Kummissarju Ewropew, li nħatar Kumpann tal-Ordni Nazzjonali tal-Mertu.
Kien hemm ukoll Albert Marshall(Membru tal-Ordni Nazzjonali tal-Mertu u l-attriċi Josephine Mahoney(Midalja tal-Qadi tar-Repubblika).
Bħala Uffiċjal tal-Ordni Nazzjonali tal-Mertu ingħaqdu John Dalli u Adrian Vassallo, eks-Membri Parlamentari Laburisti.
Ir-riċerkatur tal-kanċer, Emmanuele di Villabianca, u Michio Endo, promotur ta’ Malta mal-poplu Ġappuniż, ingħataw it-titlu ta’ Uffiċjali Onorarji tal-Ordi.
Fost il-membri ġodda fl-Ordni hemm Joan Abela (konsulenta tar-rijabilitazzjoni tal-Arkivju Notarili), Michael John Bianchi(Negozjant), Paul Falzon Sant Manduca(imprenditur), Mons Joseph Farrugia(promotur tal-kultura Għawdxija), Clayton Micallef(altruist fil-qasam tal-persuni b’diżabbiltà) u l-mibki Charles Miceli għall-ħidma tiegħu favur il-foqra.
Fost in-nies li ngħataw il-Midalja għall-Qadi tar-Repubblika hemm Roderick Bovigdon(eks-ġurnalist tal-SBS fl-Awstralja), Arthur Grupetta(pubblikatur), Ġanni Pace(induratur), Ġorġ Peresso(xandar u kittieb), David Michael Schembri(promotur tal-wirt kulturali u skopert fil-qasam marittimu), Frank Lawrence Scicluna(emigrant Malti fl-Awstralja) u Louis John Vella(promotur tal-kultura Maltija f’Kalifornja).
Ġie rikonoxxut l-eks-Sindku tal-belt Ġermaniża ta’ Adenau, Bernd Schiffarth, li kien strumentali mal-Kunsill Lokali Nazzjonalista tal-Mellieħa ta’ 20 sena ilu, immexxi mill-eks-Sindku Joseph Borg, biex seħħ l-ewwel ġemellaġġ li qatt sar minn kunsill lokali Malti.
//= $special ?>