Lokali Qorti

Alfred Degiorgio liberat fl-appell dwar il-hold up fuq vann tal-flus

Wieħed mill-persuni akkużati bil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia ġie liberat fi stadju ta’ appell ta’ kawża separata – li fiha kien akkużat b’involviment f’holdup aggravat bl-użu ta’ armi fuq vann li kien qed iġorr il-flus.

Il-każ imur lura għal serqa li seħħet nhar is-26 ta’ Ottubru 2000, fi Triq il-Kanun f’Santa Venera. Alfred Degiorgio magħruf bħala ‘Il-Fulu’ kien ġie akkużat li kien involut f’holdup flimkien ma’ Mario Cutajar u Emanuel Formosa, fuq vann tal-kumpanija tas-sigurtà Group 4 li kien qed iġorr mal-miljun lira Maltija, jiġifieri aktar minn €2,330,000.

Is-sena l-oħra, fl-ewwel deċiżjoni, wieħed mit-tliet akkużati, Emanuel Formosa, kien inħeles minn kull akkuża li saret fil-konfront tiegħu. Dan tal-aħħar kien ix-xufier tal-vann  tal-flus dakinhar li seħħet is-serqa msemmija. Minn naħa l-oħra, l-akkużat l-ieħor Mario Cutajar, kien instab ħati ta’ riċetazzjoni hekk kif żamm fid-dar tiegħu stess l-allegati flus misruqa f’boroż tal-plastik li kienu moħbija taħt saqqu u għalhekk kien ingħata sentenza sospiża.

Fl-istess l-ewwel istanza, Alfred Degiorgio li kien ġie implikat fil-każ minn ko-akkużat ieħor waqt li kien qiegħed jagħti l-istqarrija tiegħu lill-Pulizija waqt l-interrogazzjoni, ukoll kien instab ħati ta’ riċetazzjoni minħabba li nstabet marka ta’ subgħa fuq borża tal-plastik ħamra u bajda, li fiha kien hemm il-flus li allegatament insterqu – u li b’hekk il-Qorti tal-Maġistrati kienet tal-fehma li dik għandha titqies bħala evidenza suffiċjenti biex tinkriminah. Minħabba dik il-marka ta’ subgħa wieħed, Alfred Degiorgio kien ingħata sentenza ta’ sentejn ħabs sospiżi għall-erba’ snin.

Madanakollu, quddiem il-Qorti tal-Appell Kriminali, l-Imħallef Edwina Grima sabet difett proċedurali fil-proċess – difett li l-ewwel Qorti tal-Maġistrati ma kinitx sabet. Dan hekk kif fis-sentenza tagħha, il-Qorti tal-Appell Kriminali qalet li l-prosekuzzjoni kienet ħarġet l-akkuża ta’ riċetazzjoni fil-konfront tal-akkużat Mario Cutajar biss – iżda meta l-Avukat Ġenerali rrefera l-każ għand il-Qrati, l-istess prosekuzzjoni firxet l-istess akkuża għand it-tliet ko-akkużati kollha.

Għalhekk, l-Imħallef qalet li Alfred Degiorgio ma jistax jinstab ħati ta’ akkuża li hu qatt ma ġie akkużat fuqha fl-ewwel istanza, u fejn qatt ma saret l-ebda kumpilazzjoni dwarha quddiem il-Qrati tal-Maġistrati.

Fid-deċiżjoni tagħha wkoll, il-Qorti tal-Appell Kriminali indirizzat l-evidenza tal-marka tas-subgħa tal-id x-xellugija ta’ Alfred Degiorgio, fejn żiedet li hu minnu li nstabet din il-marka ta’ id Alfred Degiorgio fuq il-borża – iżda fl-ebda mument ma nstabet ir-rabta bejn l-akkużat u s-serqa, u li l-prosekuzzjoni naqset milli tipprova dan il-punt. Il-Qorti qalet li jibqa’ d-dubju jekk l-akkużat missx il-boroż tal-plastik qabel is-serqa jew inekella wara s-serqa, jiġifieri meta l-boroż kienu mimlija bil-flus misruqa jew meta kienu vojta.

Il-Qorti qalet li l-evidenza miġjuba kontra Alfred Degiorgio naqset milli tilħaq iċ-ċertezza morali rikjesta mill-liġi biex l-akkużat jinstab ħati, u għalhekk irrevokat is-sentenza tal-ewwel istanza u laqgħat l-appell miġjub mid-difiża – fejn illiberat lil Alfred Degiorgio minn kull akkuża miġjuba kontrih.

L-avukati tad-difiża kienu Arthur Azzopardi u Rene Darmanin.