Għawdex Lokali

Arti? Sfreġju? L-idea ta’ “tieqa moderna” għad-Dwejra toħloq dibattitu

Ħafna għadhom jittamaw li din hi biss ċajta

L-idea li flok it-Tieqa tad-Dwejra tinbena struttura tal-ħadid ħolqot dibattitu kbir fuq il-media soċjali, b’diversi nies jopponu bil-qawwa dan id-disinn u oħrajn jgħidu li rridu nagħtu ċans l-idea tiżviluppa.

Kien il-perit Russu Svetozar Andreev li ddisinja struttura moderna bil-ħsieb li jsib soluzzjoni għat-Tieqa li tlifna darba għal dejjem fil-maltemp ta’ sena ilu. Fil-fatt, kien f’Marzu tal-2017 meta l-istruttura krollat kompletament fil-baħar, b’Għawdex jitlef waħda mill-ikoni li kienu simboli tal-gżira.

F’kummenti lil Net News, is-Sindku ta’ San Lawrenz Noel Formosa stqarr illi “bħala disinn huwa disinn sabiħ, u personalment jogħġobni, pero fl-opinjoni tiegħi bħala kunċett narah imur kontra dak li hija d-Dwejra.”

Formosa stqarr illi d-Dwejra huwa l-post fejn in-natura tiffjorixxi. “Id-Dwejra mhux it-Tieqa biss u kieku nkunu kapaċi nagħtu importanza lejn dak li hija d-Dwejra inkunu qed inkabbru l-potenzjal tad-Dwerja.”

Is-Sindku spjega li ġeoloġikament biss id-Dwejra hija fenominu tan-natura. “Fl-opinjoni tiegħi huwa aktar bżonjuż li nħarsu dak li hemm u li naħdmu sabiex id-Dwejra jkollha management serju li huwa bżonjuż b’mod urġenti.”

Fost id-diversi persuni li kkummentaw kien hemm l-artist popolari Pawlu Borg Bonaci, illi fuq Facebook qal “b’imħatra li dawk in-nies li tant tkażaw bil-bini tal-Parlament u l-arkitettura ta’ Piano, issa jaqblu mad-disinn propost, (li jien għadni qed nemmen li ċajta) ta’ dak lis-speċi ta’ toilet modern tal-istainless steel mwaħħal mal-fdal tat-toqqba tad-Dwejra!”