Ir-residenti fi Strasbourg u l-madwar ħadu n-nifs bl-aħbar li l-Pulizija eliminaw lit- terrorista, Cherif Chekatt, li fil-lejl tat-Tlieta kien qatel u darab diversi persuni waqt attakk fuq is-Suq tal-Milied lokali.
Intant, is-Suq reġa’ fetaħ wara li kien dam il-jiem magħluq u wara li l-pulizija, fil-lejl tal-Ħamis, qatlu lil Chekatt li dan fetaħ in-nar fuqhom meta nqabad fl-inħawi ta’ Neudorf (eks-sobborg ta’ Strasbourg).
Il-belt ta’ Strasbourg kienet ilha l-ġranet fi stat ta’ lockdown, b’aktar minn 700 pulizija u suldati jissieħbu fit-tfittxija intensiva għal Chekatt li kien magħruf għall-attività kriminali tiegħu fi Franza u l-Ġermanja. Intant, dan ir-raġel ta’ 29 sena kien inbidel f’ radikali Iżlamiku waqt iż-żmien li hu kien dam il-ħabs.
It-terrorista nqabad fiz-zona ta’ Neudorf wara li l-pulizija rċevew mijiet ta’ telefonati ‘b’informazzjoni’ mingħand il-pubbliku u b’xi rapporti jkunu strumentali biex il-qawwiet tas-sigurtà jidentifikaw lir-raġel li kien miexi fit-triq u li falla f’tentattiv biex jidħol f’bini wara li nduna b’karozza tal-pulizija qrib tiegħu.
Il-pulizija fil-karozza indirizzaw lis-suspettat li fil-pront dar u spara fid-direzzjoni tagħhom, bit-tiri jolqtu l-karozza. Il-pulizija, imbagħad, sparaw lura u qatlu lill-aggressur, li wara, kien indentifikat mill-marki tas-swaba tiegħu. Intant, tfittxija fuq il-persuna tat-terrorista żvelat li hu kien qed iġorr arma tan-nar, xi munizzjon u sikkina.
Fl-aħħar sigħat, il-Ministru Franċiż għall-Intern, Christophe Castaner żar is-Suq tal-Milied fi Strasbourg fejn il-livell tas-sigurtà hu intensiv u fejn il-pulizija qed tgħasses checkpoints fiz-zoni għall-entratura. Dan is-Suq tal-Milied hu popolari ħafna mat-turisti.
Intant, il-President ta’ Franza, Emmanuel Macron, irringrazzja lill-qawwiet tas-sigurtà ta’ pajjiżu u sostna li l-impenn ta’ pajjiżu kontra t-terroriżmu hu ‘totali’.
Talanqas seba’ persuni sfaw arrestati b’konnessjoni mal-attakk tat-Tlieta fis-Suq tal-Milied, b’dawn jinkludu l-ġenituri ta’ Chekatt u qraba oħra tiegħu. Dan waqt li l-awtoritajiet qalu li ċ-ċittadini fi Strasbourg, issa, jistgħu jirritornaw għall-ħajja normali.
Cherif Chekatt kien ikkundannat ħafna drabi għal numru ta’ reati, fosthom serq armat, li seħħew fi Franza, il-Ġermanja u l-Iżvizzera. Hu, maż-żmien, kien tpoġġa fuq lista ta’ persuni li jirrappreżentaw theddida potenzjali għas-sigurtà nazzjonali fi Franza.
Fil-fatt, il-grupp terroristiku ISIS ħareġ stqarrija li Chekatt kien ‘suldat tiegħu’ u li hu kien ‘qed jaqdi l-missjoni biex jattakka ċittadini tal-pajjiżi tal-koalizzjoni ( tal-Punent)’ li qegħdin jiġġieldu kontra l-militanti tal-grupp fis-Sirja u l-Iraq.
//= $special ?>
