L-Assoċjazzjoni Pensjonanti u Anzjani Nazzjonalisti (APAN) kompliet bis-sensiela ta’ laqgħat fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista fuq temi differenti u ta’ interess.
Illum ġie mistieden l-awtur u illustratur Trevor Zahra li qasam l-esperjenzi tiegħu u tkellem dwar x’ispirah li jibqa’ jikteb ġeneri diversi ta’ kotba, artikli, u anke poeżiji. Fid-diskussjoni mmexxija mis-Segretarju tal-fergħa APAN, Nazju Abela, l-awtur Trevor Zahra rrakkonta wħud mill-esperjenzi u personaġġi li ħallew impatt fuq ħajtu, minn tfulitu fiż-Żejtun sal-ġrajjiet kurrenti li għex tul is-snin, u kif dawn issarrfu u trasformaw ruħhom f’karattri u stejjer b’messaġġi differenti.
Esperjenza partikolari li tkellem dwarha Trevor Zahra kienet dwar kitba ta’ analiżi politika diretta lejn l-amminsitrazzjoni tal-Gvern fit-tmeninijiet, u s-sitwazzjoni kurrenti f’Malta. Stqarr li qabel ma ppubblika dan il-ktieb, kien mar għand il-politiku Laburista Lino Spiteri, fejn dan tal-aħħar kien preparah u qallu biex iħejji ruħu għall-kritika qawwija. Trevor Zahra qal li hu kien l-ewwel awtur li ppubblika ktieb ta’ din il-ġenere f’Malta, u kien saħansitra rċieva theddid dwar l-opinjoni politika tiegħu.
Minn naħa l-oħra, spjega wkoll li matul il-karriera tiegħu, kiteb ħafna kotba għat-tfal u anke għall-kbar, fejn b’kollox ippubblika aktar minn 130 ktieb.
Għal din is-sessjoni informattiva, attenda l-President tal-fergħa APAN it-tabib Mario Rizzo Naudi, u anke l-President tal-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista Mark Anthony Sammut.
//= $special ?>