Internazzjonali

Il-kantanta Shakira akkużata dwar evażjoni tat-taxxa fi Spanja

Il-prosekuturi fi Spanja akkużaw lill-kantanta Kolombjana, Shakira, dwar evażjoni tat-taxxa fost allegazzjonijiet li hi dovuta tħallas pagamenti ta’ ‘il fuq minn 14.5 miljun ewro.

Dan il-każ, allegatament, ikopri l-perjodu bejn l-2012 u l-2014 meta, skont il-prosekuturi, il-kantanta kienet qed tgħix fi Spanja waqt li r-residenza uffiċjali tagħha kienet irreġistrata band’oħra.

In-nies li jgħixu fi Spanja għal aktar minn sitt xhur fis-sena huma kkunsidrati bħala residenti għall-fini tat-taxxa. Intant, is-sorsi qrib ta’ Shakira, qabel, kienu ċaħdu li hi qatt żgiċċat milli tħallas it-taxxa.

Is-sorsi li ma ssemmewx qalu, aktar kmieni fis-sena, li Shakira kienet qed tgħix barra Spanja ‘waqt il-perjodu indikat’ u fejn qed jingħad li hi kienet eliġibbli biex tkun intaxxata mill-Istat. Iżda l-prosekuturi jargumentaw li l-kantanta, dak iż-żmien, kienet qed tqatta’ ħafna mill-ħin tagħha fi Spanja flimkien ma’ seħibha, il-plejer tal-futbol ta’ FC Barċelona, Gerard Pique, u li hi kienet tivvjaġġa biss barra l-pajjiż biss għall-impenji professjonali.

Il-valur tal-kantanta Shakira hu stmat bħala aktar minn 190 miljun ewro.