Lokali

“Il-PN se jkompli jisma’ b’umiltà biex ikun il-vuċi tal-poplu Malti u Għawdxi’” – Adrian Delia

Wara ġurnata jiltaqa' man-nies f'Għawdex, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista jiltaqa' mal-attivisti Għawdxin

“Irridu nidħlu f’kull dar ta’ kull Malti u Għawdxi. Il-Partit Nazzjonalista jrid ikollu mhux biss il-kapaċità li jiltaqa’ ma’ kulħadd, iżda l-umiltà li jisma’”, hekk stqarr il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waqt attività f’Għajnsielem organizzata mill-Kumitat Reġjonali tal-Partit Nazzjonalista f’Għawdex.

Waqt riċeviment f’Għawdex għal żmien il-Milied, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia rringrazzja lil dawk kollha li taw il-ħidma tagħhom għall-Partit Nazzjonalista, u li għenu sabiex ixerdu l-messaġġ tal-Partit f’Għawdex – dan filwaqt li awgura l-isbaħ xewqat għal żmien il-Milied lil dawk kollha preżenti.

Wara ġurnata li fiha kien qiegħed idur l-ibliet u rħula Għawdxin, Adrian Delia wassal ukoll il-messaġġ politiku tiegħu, fejn qal li biex verament tkun f’kuntatt man-nies, xi kultant mhux biss trid titkellem man-nies iżda trid tisma’ l-fehma tagħhom is-sitwazzjoni kurrenti. Żied li anke meta tisma’ lill-persuni li taħseb li hu diffiċli ħafna li terġa’ tikseb il-fiduċja tagħhom mal-Partit Nazzjonalista u li ma tistax tirbaħhom lura, fl-aħħar tinduna li dawn l-istess nies jistgħu jerġgħu jsibu lill-Partit Nazzjonalista u anzi jkunu mitħla tiegħu.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalsita qal li Għawdex huwa l-post ideali biex il-Partit Nazzjonalista jkollu kuntatt ma’ kull persuna, kif wiegħed li se jagħmel f’laqgħa plenarja li kellu ftit ilu meta kien qiegħed f’Helsinki jitkellem ma’ Kapijiet ta’ Stati u Kapijiet ta’ Partiti li huma membri, flimkien mal-Partit Nazzjonalista, fl-akbar familja Ewropea – dik tal-Partit Popolari Ewropew. Adrian Delia stqarr li ftit tal-ġranet ilu fi Brussell tkellem maċ-Chairman tal-PPE u l-kandidat tal-istess partit għall-kariga ta’ President tal-Kummissjoni Ewropea Manfred Weber fejn ma’ dan tal-aħħar tkellem dwar l-importanza li tiltaqa’ ma’ kulħadd u tidħol fid-dar ta’ kulħadd. Adrian Delia stqarr li waqt dawn it-tip ta’ żjariet mal-mexxejja tal-Unjoni Ewropea tunduna kif anke l-Ewropa għandha villaġġi żgħar bħal tagħna, fejn anke l-istess Manfred Weber ġej minn raħal żgħir mill-Ġermanja.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalsita qal li f’ġurnata bħal llum, hu jisma’ u jitgħallem x’inhi l-opinjoni tan-nies, u b’dan it-tip ta’ kuntatt man-nies il-politiċi tal-Partit Nazzjonalista jistgħu jkunu l-vuċi veru tal-poplu Malti u Għawdxi kollu.

Tkellem ukoll Paul Buttigieg, il-President tal-Kumitat Reġjonali tal-Partit Nazzjonalista f’Għawdex, fejn stqarr li l-2018 kienet sena li ħalliet il-frott, għaliex minn kull sfida li ħareġ il-ġdid. Awgura li s-sena 2019 tkun waħda ta’ suċċess li fiha l-Partit Nazzjonalista se jkun qed jaffaċċja żewġ elezzjonijiet – dik tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsilli Lokali. Stqarr li l-Kumitat Reġjonali ta’ Għawdex ilu żmien jirsisti u jaħdem sabiex fl-elezzjoni li ġejja tal-Kunsilli Lokali l-Partit Nazzjonalista jżid is-siġġijiet eletti fil-Kunsilli Lokali. Paul Buttigieg qal li mhux biss il-kandidati għandu jkollhom il-kuntatt man-nies, iżda anke n-nies li huma involuti fil-Kumitat Sezzjonali tal-Partit Nazzjonalista. Kompla billi rringrazzja lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia li għamel ġurnata jdur u jiltaqa’ man-nies f’Għawdex, fosthom eks-deputati Nazzjonalisti Għawdxin. Konvint li jekk kulħadd jagħmel il-parti tiegħu, il-Partit Nazzjonalista jkollu riżultat li jkompli jagħtih kuraġġ.

Preżenti għal din l-attivita’ tal-Partit Nazzjonalista kien hemm is-Segretarju Ġenerali Clyde Puli, id-deputati Għawdxin Fredrick Azzopardi, Marthese Portelli, Chris Said, u David Stellini, il-kandidat Għawdxi Kevin Cutajar, u l-kandidat għall-Parlament Ewropew Dione Borg.