Lokali

Il-Viċi Kap tal-PN David Agius elett Viċi President tal-EUCDW

Il-Viċi Kap għall-Affarijiet Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista David Agius ġie elett fil-kariga ta’ Viċi President tal-Europea Union of Christian Democratic Workers (EUCDW) tal-Partit Popolari Ewropew (PPE).

David Agius ġab 91.5% tal-voti f’din l-elezzjoni li saret waqt il-Kungress tal-EUCDW fi Vjenna, li matulu ġie elett bħala President l-Ewroparlamentari Ġermaniż Elmar Brok. L-EUCDW tħaddan fiha 24 moviment tal-ħaddiema minn 18-il pajjiż membru tal-Unjoni Ewropea.

Matul dan il-kungress li għalih kien hemm preżenti wkoll il-Kummissarju Ewropew Marianne Thyssen, ġie ppreżentat ukoll id-dokument bit-titlu ‘For a strong, just and ambitious union: Confidence in Europe’s Future.’ Dan id-dokument jiffoka fit-tisħiħ tad-dimensjoni soċjali tal-Unjoni Ewropea.

Fi Vjenna, l-Viċi Kap tal-PN David Agius jinsab akkumpanjat minn delegazzjoni tas-Solidarjetà Ħaddiema tal-Partit Nazzjonalista (SĦPN) li hija magħmula minn David Battistino, Neville Cassar, Alexandra Farrugia, Joseph Galea u David Grech.