Wara li kompla jikxef iktar dettalji dwar l-iskandlu tal-visas mediċi u l-aħħar żjara fil-Libja minn Neville Gafa’, il-Kap tal-Alleanza Bidla Ivan Grech Mintoff irċieva theddid fuq ħajtu.
Net News hu infurmat li Ivan Grech Mintoff stess mar jagħmel rapport fl-Għassa tal-Pulizija tan-Naxxar.
Grech Mintoff stqarr li l-Ħamis stess, avviċinawh xi nies li ddeskriviehom bħala “jafdahom b’għajnejh magħluqa” u ltaqa’ magħhom il-Qawra qalulu li ħajtu qiegħda f’periklu imminenti minħabba li hemm persuni lesti li jeqirdulu ħajtu.
Wara din il-laqgħa, għall-ħabta tal-għaxra u nofs ta’ filgħaxija, Grech Mintoff mar għamel rapport fl-għassa tal-Pulizija tan-Naxxar. Mistoqsi mill-Pulizija dwar min għaddielhom l-informazzjoni, Grech Mintoff naqas milli jagħmel dan għaliex jixtieq jipproteġi l-identita’ tal-persuni li għaddewlu l-informazzjoni.
Il-ġurnali Maltin irrapportaw sensiela ta’ laqgħat li Neville Gafa kellu fil-Libja fis-16 u 17 ta’ Novembru li għadda, li skont sorsi Libjani, kienu laqgħat uffiċjali.
Iktar tard Grech Mintoff kien żvela li l-laqgħat li kellu Gafa’ kienu tentattiv biex ixaħħam Libjani biex ma jixhdux kontrih f’inkjesti li għaddejjin f’Malta, immexxija mill-Maġistrat Francesco Depasquale, dwar l-iskandlu tal-visas mediċi.
F’dan l-iskandlu qed jiġi allegat li Gafa’ ixxaħħam b’għexieren ta’ eluf ta’ ewro biex joħroġ visas mediċi lil Libjani biex jiġu Malta, suppost għall-kura. U wara dak kollu li ghamel, issa spiċċa ‘persona non grata’ fil-Libja.
Huwa car illi dak li żvela Grech Mintoff qaras lil xi wħud fil-laħam il-ħaj tant li jidher li huma lesti li jeliminawh.