Lokali

Jonfqu €128 miljun f’logħob u lotteriji

Il-Popolazzjoni Maltija nefqet mal-128 miljun ewro f’logħob u lotteriji matul l-2017. Din hi żieda ta’ madwar tliet miljun ewro jew 2.3% fuq l-2015.

Din ħareġ minn studju kkummissjonat mill-Awtorita’ għall-Logħob u l-Lotterija sabiex toħroġ stampa ċara dwar ix-xejriet tal-pubbliku Malti fil-qasam tal-logħob u l-lotteriji.

Mill-istudju joħroġ li bħala medja, din in-nefqa tammonta għal madwar 2.6% tal-Budget annwali tal-familji.

Ftit inqas minn 187,000 persuna, jew kważi 53% tal-popolazzjoni li legalment tista’ tipparteċipa f’lotteriji, huma stmati li jonfqu mal-11-il ewro u 30 ċenteżmu fil-ġimgħa.

Iktar minn nofs il-ġugaturi ma jilagħbux iktar minn 2% tal-introjtu tagħhom fuq logħob tal-azzard. Min-naħa l-oħra madwar 8% tal-ġugaturi jonfqu iktar minn 10% tad-dħul tagħhom fuq logħob tal-azzard.

Mill-istħarriġ joħroġ ukoll li bejn 1% u 2% ta’ dawk intervistati irrapportaw li effetti ħżiena fuq l-istil ta’ ħajja tagħhom bħala riżultat tal-logħob.

Il-maġġoranza kbira tan-nefqa, madwar 73%, tmur fuq il-lotteriji nazzjonali. Min-naħa l-oħra, ir-remote gaming qed jikber imma xorta waħda għadu persentaġġ minimu ta’ 3%.

L-24% l-oħra huma żjajjar fl-erba’ casinos liċenzjati f’Malta, gaming parlours, logħob tat-tombla u logħob organizzat bejn il-ħbieb waqt attivitajiet soċjali.

Waqt il-ħin tal-mistoqsijiet, l-ekonomista Gordon Cordina qal li l-istħarriġ ma’ jikkonsidrax il-logħob tal-azzard illegali.

Hu qal li din hija realta’ iżda għall-Awtorita’ tal-Logħob u l-Lotterija, din hija materja ta’ infurzar tal-liġi.