Futbol Sport

Jorge Sampaoli jinħatar kowċ ta’ Santos

Il-kowċ Jorge Sampoli se jirritorna fit-tmexxija ta’ klabb hekk kif mis-sena d-dieħla se jkun il-kowċ ta’ Santos. Hu se jieħu post Dorival Junior f’dik li se tkun l-ewwel esperjenza tiegħu fil-Brażil. Sampaoli jittama li din il-ħatra tkun il-bidu biex jerġa’ jibda jispikka, wara t-Tazza tad-Dinja deludenti fit-tmexxija tat-tim nazzjonali tal-Arġentina.

Santos kellhom staġun diżappuntanti u spiċċaw fl-għaxar post fil-kampjonat mirbuħ minn Palmeiras. Din il-klassifikazzjoni finali wasslet biex Santos ma kkwalifikawx għall-edizzjoni li jmiss tal-Copa Libertadores.

Minbarra l-irwol tiegħu mal-Arġentina, fil-karriera tiegħu, Sampaoli mexxa klabbs fil-Perù, l-Ekwador, iċ-Ċili u fi Spanja ma’ Sevilla. Sampaoli se jkun qed jiffirma l-kuntratt aktar tard din il-ġimgħa, fejn qed jiġi rrappurtat li Sampaoli saħansitra naqqas mis-salarju biex ikun jista’ jerġa’ jibda bħala kowċ.