Internazzjonali

L-attakk fuq is-Suq tal-Milied fi Strasbourg – il-mejtin jitilgħu għal erba’

Ftit tal-ħin ilu ħarġet konferma li mietet ir-raba’ persuna li sfat vittma tal-attakk terroristiku tat-Tlieta bil-lejl fuq is-Suq tal-Milied fil-belt Franċiża ta’ Strasbourg.

L-aħbar ingħatat sigħat wara l-qtil tat-terrorista responsabbli, Cherif Chekatt, li matul il-lejl li għadda kien involut fi sparatura mal-pulizija li kienu qed ifittxuh.

Intant, ingħad li ħames vittma tal-isparatura tat-Tlieta fis-Suq tal-Milied qed jinżamm ħaj fuq il-magna u li hemm ħdax midruba – b’erba’ minnhom qed jinżammu l-isptar.

L-investigaturi, fil-preżent, qed jippruvaw jiksbu aktar dettalji dwar l-aħħar movimenti ta’ Cherif Chekatt, waqt li hu kien qed jipprova jiżgiċċa lill-pulizija. L-investigazzjoni se tikkonċentra wkoll fuq ‘l-iżbalji potenzjali’ fis-sorveljanza tat-terrorista min-naħa tal-pulizija u wara li hu kien ħareġ mill-ħabs u tpoġġa fuq lista ta’ persuni indikati bħala theddida possibbli għas-sigurtà taċ-ċittadin.

Filwaqt li n-nies, bħalissa, qed jirritornaw fis-Suq tal-Milied fi Strasbourg (fejn l-attività għadha xi ftit jew wisq ‘kwieta’ minħabba ċ-ċirkustanzi) hemm ukoll is-sinjali tal-ħajja normali fiċ-ċentru tal-belt, għalkemm tinħass il-preżenza kontinwa tal-pulizija.

Dan meta l-President ta’ Franza, Emmanuel Macron, mistenni jasal fil-belt ta’Strasbourg minn ħin għall-ieħor.