Għawdex Lokali

FIT-23 TA’ DIĊEMBRU: Il-Pageant tal-Milied f’San Lawrenz Għawdex

Il-Milied f’Għawdex ma jkunx komplut mingħajr il-Pageant tal-Milied f’San Lawrenz.

Dan il-pageant din is-sena qed jiċċellebra il-50 sena tiegħu u ser isir il-Ħadd 23 ta’ Diċembru mis-6pm ‘l quddiem fil-Pjazza u t-toroq ta’ San Lawrenz.

Bir-ragun in-nies ta’ San Lawrenz iħossuhom l-Oberammergau ta’ Għawdex, fis-sens li għal dawn l-aħħar ħamsin sena l-Milied għalihom ma kienx jilħaq il-qofol tiegħu, mingħajr il-Pageant. Kif ir-raħal ta’ Oberammergau fil-Ġermanja jgħix biex kull 10 snin itella’ Pageant dwar il-passjoni, hekk ukoll ir-raħal ta San Lawrenz jgħix biex kull Milied itella’ dan il-Pageant.

Għal ħafna snin il-Pageant tal-Milied kien l-uniku attivtà tal-Milied li kienet issir f’Għawdex, apparti l-purċissjoni tal-Bambin fl-irħula fejn kien hemm Mużew. 

Beda sempliċi u baqa’ sempliċi. L-iskop tiegħu huwa wieħed, li jirrakonta b’mod ħaj l-istorja tas-salvazzjoni tagħna. Is-sempliċità ta’ dan il-pageant tagħmlu wieħed speċjali. Mingħajr ħafna xejxi żejjed pero dritt għal punt. 

George Borg, l-ideatur ta’ dan il-Pageant flimkien ma sħabu tal-Għaqda Drammatika San Lawrenz kien qabdu kostumi li sabu fil-gwardarobba tal-istess għaqda li kienu jintużaw fid-dramm tal-Milied li kien jinħadem fl-antik u li għandu storja sabiħa wkoll, u libbsu ftit personaġġi u ħaruġuhom fit-triq.

Dan il-pageant kiber għax mexa ma dak li għandha bżonn is-soċjetà llum. Ħamsin ma huwiex numru żgħir imma numru li jġalgħna nirriflettu.

Kienu diversi dawk li ħadu sehem matul din il-medda ta’ snin, ħafna li llum ma għadhomx magħna, pero ħallew warajhom legat li  jenħtieġ li aħna li qed ngħixu llum nħalluwha lil ta warajna.

Il-Pageant għen lil gżira ta' Għawdex mhux  biss l-aspett artistiku imma mod ta kif wieħed għandu jgħix dan iż-żmien sabiħ…is-sempliċtà. Dan kien innotat anke minn divesri personalitajiet li żaru dan il-pageant, fosthom Kate Blanchett, attriċi magħrufa mad-dinja kollha li kienet fost l-udjenza xi snin ilu, li stqarret li f’ħajjitha qatt ma għexet. Milied li ħalla daqshekk paċi f’qalbha daqs kemm ħalla l-Milied li għexet f’San Lawrenz. 

Din is-sena dan il-Pageant li ser ikun wieħed speċjali u interattiv, apparti li l-udjenza ser terġa tkun parti minn dan il-pageant, ser tiġi organizzta sorpriża għat-tfal li fiha huma se jkunu protagonisti anke fl-aspett teknoloġiku. Dan il-pageant snin ilu kien introduċa wkoll it-3D mapping show f’ Għawdex. Għal din l-okkażjoni ser isir spettaklu ieħor ta dan it-tip, qabel, waqt u wara l-Pagaent.

Dan qed isir bil-kooperazzjoni tal-Ministeru għal Għawdex.