Internazzjonali

Spanja: Riforma fil-liġi fejn ‘l-ebda kunsens ikun ifisser stupru’

Panel ta’ esperti legali ddeċieda biex il-liġi fi Spanja tgħaddi minn riforma bil-għan li tiddefinixxi att sesswali mingħajr il-kunsens ta’ persuna bħala ‘aggrediment’ jew ‘stupru’ minflok ‘abbuż (sesswali)’.

L-esperti kienu tqabbdu mill-Gvern biex jagħmlu l-evalwazzjonijiet wara l-protesti li qamu mseta ħames irġiel ma nstabux ħatja dwar l-istupru ta’ tfajla adolexxenti. F’dan il-każ, l-imħallfin iddeċidew li l-irġiel, imlaqqmin ‘il-grupp tal-ilpup’, ma kenux attakkaw lit-tfajla inkwistjoni.

Intant, il-panel qed jirrakkmanda li s-sentenza massima għal stupru tibqa’ stabbilita mal-ħmistax-il sena – u meta għadu għaddej ix-xogħol dwar il-proposta.

Fil-5 ta’ Diċembru, l-imħallfin fir-reġjun ta’ Navarre ikkonfermaw id-deċiżjoni biex jitwarrbu l-akkużi fil-konfront tal-ħames irġiel fil-każ ta’ ‘La manada’ ( ‘tal-ilpup’).Dan il-każ, issa, se jitressaq quddiem il-Qorti Suprema.

Skont l-aħħar digriet, il-vittma tal-ħamsa, li kellha 18-il sena, ma kenitx aggredita peress li fil-każ tagħha ma seħħew l-ebda intimidazzjoni jew vjolenza. Dan wara li l-irġiel kellhom x’jaqsmu magħha f’kantina waqt il-festival ta’ Pamplona, f’Lulju tal-2016.

Taħt il-liġi attwali, iridu jkunu preżentati l-provi dwar vjolenza jew intimidazzjoni biex l-imħallfin jitrattaw każ bħala ‘stupru’. Issa, il-proposta ġdida ssejjaħ għall-‘piena massima’ f’każi li jinvolvu vjolenza jew intimidazzjoni kontra vittma ‘f’ċirkustanzi degradanti’ jew meta l-vittma tispiċċa aggredita minn żewġ persuni jew aktar.