Rugby Sport

Steve Hansen iħabbar li se jirriżenja minn kowċ nazzjonali ta’ New Zealand wara t-Tazza tad-Dinja

Il-kowċ nazzjonali tan-New Zealand Steve Hansen ħabbar li se jkun qed itemm l-esperjenza tiegħu fit-tmexxija tal-All Blacks wara t-Tazza tad-Dinja tas-sena d-dieħla li se ssir fil-Ġappun.

Hansen li għandu 59 sena, ħa t-tmexxija tat-tim fl-2011 wara li kien ilu assistent tal-predeċessur tiegħu Graham Henry mill-2004. Taħt Hansen, l-All Blacks reġgħu rebħu t-Tazza tad-Dinja fl-2015 filwaqt li rebaħ sitt mis-seba’ edizzjonijiet tar-Rugby Championship.

“Hu l-mument ġust għat-tim li jkollu lil xi ħadd ġdid wara t-Tazza tad-Dinja,” qal Hansen li mexxa lil Wales bejn l-2002 u l-2004. Hu żied li kuntent ħafna biż-żmien ta’ meta ħabbar id-deċiżjoni għaliex sostna li jassigura li ma jkunx imxekkel meta jiġi mistoqsi l-ħin kollu.

Hu żied li d-deċiżjoni kienet motivata wkoll minħabba li ried jagħmel aktar ħin mal-familja tiegħu u qal li ma jafx x’se jkun l-irwol li jmiss tiegħu. Il-Federazzjoni tar-Rugby tan-New Zealand għadha trid tħabbar is-suċċessur ta’ Hansen, u qalet li mhux se tibda l-proċess tal-kowċ ġdid sakemm tintemm it-Tazza tad-Dinja.

Minn meta ħa t-tmexxija mingħand Henry wara r-rebħ tat-Tazza tad-Dinja fl-2011, Hansen mexxa lill-All Blacks għal 85 rebħa minn 96 logħba, bi tliet draws u tmien telfiet biss.