Lokali

Attivita’ mtella’ mill-Protezzjoni Ċivili b’risq l-Istrina

Jissuktaw l-attivitajiet b’risq l-Istrina, fejn is-Sibt filgħodu fil-Belt Valletta ttellgħet attivita mill-membri tal-Protezzjoni Ċivili bid-donazzjonijiet kollha jmorru għall-Istrina.

Net News tkellem ma’ Emanuel Psaila, id-Direttur tal-Protezzjoni Ċivili fejn spjegalna li bħala Protezzjoni Ċivili jagħtu ħafna għajnuna lill-Uffiċċju tal-President f’kull attivita’ u ma naqasx li issa li waslet l-Istrina jagħtu s-sehem tagħhom sabiex jinġabru aktar fondi b’risq l-Istrina.

Għalkemm din mhux l-ewwel darba li saret attivita’ simili, din is-sena ġew esebiti ħafna aktar affarijiet fosthom kotba u kalendarji. Psaila kompla li b’dawn l-attivitajiet il-Protezzjoni Ċivili qed jippruvaw jersqu viċin tan-nies u jedukaw lill-poplu sabiex jipprevenu ċertu inċidenti.

Apparti l-esebizzjonijiet, kien hemm ukoll area għat-tfal, fejn wara li tingħata donazzjoni, dawn setgħu jgħaddu minn ostakli bl-għan ewlieni dejjem jibqa’ li jinġabru l-fondi għall-Istrina.

Ta’ min isemmi wkoll li l-ħaddiema tal-Proċezzjoni Ċivili li kien hemm preżenti, kollha kienu hemm b’mod volontarju.