Futbol Sport

Borussia Dortmund ikabbru l-vantaġġ fil-quċċata tal-Bundesliga

(Ritratt: EPA)

Borussia Dortmund marru disa’ punti vantaġġ fil-quċċata tal-Bundesliga b’rebħa f’darhom ta’ 2-1 kontra Werder Bremen. L-eqreb sfidanti tagħhom Borussia Monchengladbach kienu miżmuma minn Hoffenheim.

Żewġ gowls fl-ewwel tmien minuti spiċċaw biex kienu biżżejjed, hekk kif l-ewwel kien Paco Alcacer li skorja b’daqqa ta’ ras minn free-kick ta’ Raphael Guerreiro. Imbagħad kien Marco Reus li skorja fuq it-tieni lasta mill-viċin wara li rċieva tajjeb mingħand iż-żagħżugħ Jadon Sancho. Werder Bremen daħlu fil-logħba b’gowl ta’ Max Kruse għaxar minuti qabel tmiem l-ewwel taqsima, iżda Dortmund żammew il-vantaġġ biex kisbu t-12-il rebħa fil-kampjonat,

Bayern Munich komplew il-forma pożittiva tal-aħħar logħbiet meta għelbu lil Hannover 4-0, f’dik li kienet it-300 logħba ta’ Thomas Muller mal-klabb. Gowl b’xutt mill-ewwel ta’ Joshua Kimmich wara żewġ minuti witta t-triq għar-rebħa taċ-champions.

Huma rduppjaw fid-29 minuta b’xutt b’saħħtu ta’ David Alaba, biex Serge Gnabry għamilhom tlieta fit-53 minuta b’konklużjoni mill-viċin wara kross ta’ Kimmich. Għaxar minuti wara, Kimmich reġa’ kien f’azzjoni li spiċċat f’gowl, bi kross perfett lejn Robert Lewandowski li skorja l-għaxar gowl tal-istaġun b’daqqa ta’ ras.