Diplomatika gradwata fix-xjenza politika qed topponi t-trasferiment tagħha minn mal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin għal mal-kumpanija IPSL (Industrial Projects and Services Limited), u wara erba’ snin il-Qorti din il-ġimgħa ingħatat deċiżjoni sabiex is-smiegħ tal-kawża jissokta.
Id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Appell ingħatat mill-Prim Imħallef Joseph Azzopardi, mill-Imħallef Giannino Caruana Demajo u l-Imħallef Noel Cuschieri.
L-istorja hi dwar Antoinette Cutajar – esperta fid-diplomazija illi kienet impjegata mal-Ministeru tal-Affarjiet Barranin, u li għamlet talba quddiem il-qorti sabiex jinħareġ mandat t’inibizzjoni kontra diversi esponenti tal-Gvern, fosthom il-Prim Ministru. Dan wara li l-Gvern ried ikeċċi jew jittermina l-impjieg tal-istess Cutajar mis-Servizz Pubbliku u jibgħata taħdem minflok mal-IPSL, il-kumpanija mwaqqfa għall-ex ħaddiema tal-dockyard.
F’deċiżjoni preliminari, il-Qorti kienet iddeċidiet illi Cutajar ma tistax tipproċedi bl-akkużi kollha tagħha għaliex fetħet il-każ tard. Din il-kwistjoni partikolari kienet tirrigwardja punt legali – id-data meta hi saret taf bit-transfer. Dan għaliex Cutajar kienu bagħtulha nota f’Jannar 2014, iżda infurmawha formalment b’din il-manuvra f’Awwissu 2014. Hi baqgħet tinsisti illi kien fis-Sajf ta’ din is-sena meta kellha n-notifika formali u skopriet x’kellu f’moħħu l-Gvern, u mhux f’Jannar 2014.
Ilbieraħ, il-Qorti tal-Appell tat raġun lil Antoinette Cutajar fuq dan il-punt u ordnat li s-smiegħ tal-każ jitkompla.
//= $special ?>