Lokali

“Edel Mary Camilleri kienet tgħin lil ħaddieħor waqt li għaddejja mill-ikbar battalja”

Waqt li s-Supretendent Edel Mary Camilleri kienet qed tiġġieled battalja kiefra mal-kanċer, qatt ma nsiet id-dover tagħha li tgħin lil ħaddieħor.

Hu b’dan il-mod li mijiet ta’ persuni fuq il-midja soċjali fakkru lil din l-uffiċjal tal-Pulizija Għawdxija li sfortunatament tilfet il-battalja mal-kanċer fl-età ta’ 43 sena.

Deskritta bħala persuna ġenwina, retta, kapaċi, dħulija, b’qalb tajba u dejjem bi tbissima, is-Supretendent Camilleri kien ilha għall-aħħar 17-il sena sservi lill-poplu Malti u Għawdxi bħala uffiċjal tal-Pulizija.

Sfortunatament Camilleri, li hi mix-Xagħra, saret taf li qed tiffaċċja l-ġlieda mal-kanċer iktar kmieni din is-sena. L-esperjenza tagħha kienet pjuttost diffiċli, hekk kif fi ftit ġimgħat sofriet tbatija kbira.

Fi stqarrija u waqt li esprimiet solidarjetà mal-familja tagħha, l-IPA Malta Section, fissret lill-uffiċjal bħala persuna maħbuba minn kulħadd.