Futbol Sport

Gowls u spettaklu f’logħba sabiħa bejn Swieqi u Santa Lucia

(Ritratt: Trevor Sollars)
It-tieni rebħa tal-kampjonat għal Żejtun

SWIEQI U. ………………. 2   SANTA LUCIA …………. 2

Swieqi: J.C. Debattista, K. Muscat, L. Scicluna, S. Suraka (H. Hansberg 58’), G. Bugaeja, S. Bugeja, G. Calabretta (K. Ekezie 91’), V. Olowoyo, M. Farrugia, E. Ayorinde (S. Ibrahim 67’), D. Borg.

Santa Lucia: R. Caruana, M. Caruana, N. Spiteri, J. Usaga Mendoza (I. Martinez 83’), J. Suda (M. Desira Buttigieg 66’), B. Paiber, P. Teixeira Maia, I. De Rocha Souza (K. Ante Rosero 68’), L. Galea, K. Camilleri, N. Borg.

Referee: Daniel Portelli

Santa Lucia u Swieqi United ipproduċew logħba mill-isbaħ u offrew gowls u spettaklu bir-riżultat aħħari jkun l-iktar wieħed ġust, riżultat li bih Swieqi waqqgħu l-punti wara erba’ rebħiet konsekuttivi filwaqt li tkompli s-serje ta’ draws ta’ Santa Lucia, li issa telgħu għal erbgħa.

Wara daqqa ta’ ras ta’ Teixeira Maia u oħra ta’ Olowoyo li fallew il-mira bi ftit, kienu Swieqi li fetħu l-iskor wara kwarta logħob. Inċertezza fid-difiża ta’ Santa Luċija fejn ħataf il-ballun Luke Scicluna li qassam lejn EBENEZER AYORINDE li b’xutt fil-baxx sab ir-rokna tax-xibka.

Fit-28 minuta f’azzjoni ta’ kontrattakk nuqqas ta’ ftehim bejn il-gowlkiper Ryan Caruana u Manuela Caruana għal ftit ma tatx l-opportunità lil Ayorinde jiskorja iżda x-xutt tiegħu mar ftit barra. Santa Lucia baqgħu xi ftit passivi u Swieqi reġgħu resqu qrib b’azzjoni personali ta’ Suraka u xutt li falla l-mira bi ftit.

Fl-44 minuta l-aħjar azzjoni ta’ Santa Lucia bix-xutt ta’ Nick Borg li deher li se jegħleb lil Debattista jkun salvat minn Kyle Muscat. Santa Lucia kellhom l-aħjar mumenti fl-aħħar minuti tal-ewwel taqsima u xeħtu taħt pressjoni lill-avversarji iżda l-gowl tad-draw ma wasalx.

Fit-tieni taqsima Santa Lucia komplew bil-pressjoni u xutt ta’ Paiber għadda ftit għoli u free-kick ta’ Nick Borg kien imdawwar għal korner minn Debattista. Mill-istess korner fid-59 minuta kien JURGEN SUDA li minn qagħda angolata spara fix-xibka.

Kienu mumenti tajbin ta’ Santa Lucia iżda fis-70 minuta kienu Swieqi li reġgħu marru minn fuq meta l-gowlkiper ta’ Santa Lucia ħareġ għall-ballun li ħataf b’idejh iżda ħarablu l-ballun u GIANLUCA CALABRETTA kien pront kompla għal ġewwa.

Risposta immedjata ta’ Santa Lucia li kisbu d-draw żewġ minuti wara b’azzjoni ta’ Ante Rosero fuq il-lemin u kross lejn TEIXEIRA MAIA li mill-viċin ma falliex. Fit-80 minuta Santa Lucia kienu sfortunati meta xutt ta’ Paiber heżżeż il-mimduda. L-aħħar minuti kienu ferm interessanti biż-żewġ naħat ifittxu r-rebħa iżda l-iskor baqa’ ma nbidilx.

It-tieni rebħa staġjonali ta’ Żejtun

MARSA ………………………… 0   ŻEJTUN C ……………………. 3

Marsa: K. Brincat, J. Bonello, N. Mocyk (L. Chiedozie 46’), L. Friggieri, M. Gauci, A. Sreti Ali, R. De Fex Marriaga, S. Darmanin (J. Theuma 46’), P. Anizoba (S. Briffa 74’), N. Micallef, R. Gafa.

Żejtun: G. Zammit, C. Giordemaina, E. Vella, A. Smeir (I. Azzopardi 84’), J. Castano, D. Albanese, J. Dias (V. Geraskins 76’), B. Farrugia, N. Tabone, R. Spiteri, A. Farrugia.

Referee: Sandro Spiteri

Wara diversi diżappunti u wara serje ta’ ħames logħbiet mingħajr rebħa, Żejtun sa fl-aħħar kisbu t-tieni rebħa tal-istaġun meta meritatament għelbu lit-tim tal-qiegħ Marsa, grazzi għal tripletta ta’ Johann Castano. B’din ir-rebħa Żejtun qabżu lil San Ġwann fil-klassifika u jippruvaw iħarsu ‘l quddiem b’iktar ottimiżmu għaliex minbarra r-rebħa li setgħet kienet anki ferm ikbar, kien hemm il-prestazzjoni li kienet verament tajba.

Wara 12-il minuta Żejtun viċin il-gowl tal-vantaġġ meta Castano żmarka lil Smeir li qabbeż il-ballun minn fuq il-gowlkiper iżda l-ballun kien maqlugħ minn fuq il-linja minn Neil Micallef. Fid-19-il minuta Żejtun fetħu l-iskor meta minn azzjoni ta’ Ryan Spiteri fuq ix-xelluq kien hemm il-kross preċiż lejn JOHAN CASTANO li bir-ras kompla għal ġewwa.

Erba’ minuti wara azzjoni personali ta’ Adam Smeir li wara li qabeż diversi plejers ra x-xutt tiegħu imblukkat minn Brincat. Żejtun kellhom ukoll gowl imħassar minħabba pożizzjoni rregolari tal-istess Castano. Fil-35 minuta Żejtun għal darb’oħra qrib it-tieni gowl meta minn kross ta’ Dias kien hemm id-daqqa ta’ ras ta’ Smeir u intervent mill-aqwa tal-gowlkiper ta’ Marsa li salva lit-tim tiegħu.

Tmien minuti mill-ftuħ tat-tieni taqsima kontrattakk ta’ Castano u ħarġa tajba ta’ Brincat li mblokka l-periklu. Żejtun komplew jattakkaw u jfallu ċansijiet faċli wkoll. Fl-64 minuta azzjoni oħra mibdija minn Brooke Farrugia bil-ballun jasal għand Castano li mill-viċin bit-takkuna jolqot sieq il-lasta.

Fid-69 minuta it-tieni gowl deher ħaġa ċerta iżda Brincat salva fuq Spiteri kompletament waħdu. Fis-77 minuta finalment Żejtun għalqu l-logħba bit-tieni gowl f’azzjoni ta’ kontrattakk din id-darba JOHAN CASTANO ma żbaljax u għeleb lil Brincat b’xutt fil-baxx.

Tmien minuti mit-tmiem Żejtun spiċċaw bi plejer inqas meta tkeċċa l-captain tagħhom Neil Tabone iżda fil-ħin miżjud Geraskins twaqqa’ minn Bonello li kien ukoll imkeċċi wara t-tieni karta safra u mill-11-il metru kien CASTANO li għaqqad it-tripletta b’xutt preċiż.