Antoine Griezmann poġġa lil Atletico Madrid fil-quċċata ma’ Barcelona hekk kif skorja doppjetta u ħoloq il-gowl l-ieħor f’rebħa missielta ta’ 3-2 kontra Real Valladolid. Il-Franċiż skorja l-gowl rebbieħ għaxar minuti mit-tmiem wara li Valladolid kienu rkupraw żvantaġġ doppju. Griezmann serva lil Nikola Kalinic fis-26 minuta li skorja t-tieni gowl tiegħu tal-istaġun u wara rdoppja minn penalty.
Valladolid daħlu fil-logħba fit-tieni taqsima b’gowl ta’ Fernando Calero fis-57 minuta, biex sitt minuti wara ġabu d-draw b’awto-gowl ta’ Saul Niguez. Iżda Griezmann skorja l-gowl tar-rebħa wara li ħa vantaġġ minn taħwida fil-kaxxa.
Real Madrid telgħu momentarjament fit-tielet post b’rebħa ta’ 1-0 fuq Rayo Vallecano, bil-gowl uniku jiġi skorjat fit-13-il minuta minn Karim Benzema.
F’logħba oħra, gowl ta’ Jorge Molina wara tliet minuti kien biżżejjed biex Getafe għelbu lil Real Sociedad u telgħu fil-ħames post. Fil-logħba ta’ filgħaxija, Valencia kisbu l-għaxar draw fil-kampjonat bi draw ta’ 1-1 barra minn darhom kontra Eibar. Rodrigo Moreno kien poġġa lil Valencia minn fuq fid-29 minuta iżda Charles ġab id-draw fis-56 minuta.
//= $special ?>