Futbol Sport

Guillermo Barros Schelotto jirriżenja minn kowċ ta’ Boca Juniors

(Ritratt: EPA)

Il-kowċ ta’ Boca Juniors Guillermo Barros Schelotto ħalla lill-klabbs anqas minn ġimgħa mit-telfa finali tal-Copa Libertadores kontra r-rivali River Plate. Huma tilfu 3-1 fil-ħin barrani fit-tieni leg li ntlagħbet f’Madrid. Schelotto kien ilu fit-tmexxija tat-tim għal sentejn u nofs. Boca Juniors rebħu l-kampjonat Arġentin fl-aħħar żewġ staġuni u bħalissa jinsabu fis-sitt post.

L-eks attakkant internazzjonali Arġentin qal li se jitlaq bis-serħan tal-moħħ li ta kollox. Il-President ta’ Boca Juniors Daniel Angelici qal li minkejja li l-uġigħ u d-dwejjaq tat-telfa għadu ma telaqx, jifhem li l-aħjar ħaġa għal Boca Juniors hu li jibdew is-sena b’kowċ ġdid.

It-tmexxija tiegħu ntemmet b’waħda mill-akbar logħbiet fl-istorja tal-futbol tal-Amerika ta’ Isfel hekk kif ir-rivali ta’ Buenos Aires iltaqgħu għall-ewwel darba fil-finali tal-verżjoni taċ-Champions League tal-kontinent.

B’kuntrast, il-kowċ ta’ River Plate Marcelo Gallardo kkommetta l-futur tiegħu mal-klabb. Huma jkunu impenjati fit-18 ta’ Diċembru fit-Tazza tad-Dinja tal-klabbs.