Il-poplu Malti u Għawdxi qed jinsteraq mill-prezzijiet li qed inkunu sfurzati li nħallsu għall-fjuwil f’pajjiżna.
Din id-dikjarazzjoni saret fi stqarrija minn Alfred A Farrugia, President tal-Malta Automobile Club, li jsaħħaħ it-teorija tiegħu b’fatti u ċifri uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Ċifri li juru kif f’pajjiżna nħallsu 60.316 ċenteżmu għal kull litru ta’ petrol, li hu l-ogħla prezz fost it-28 pajjiż fl-Unjoni Ewropea.
Dan il-prezz jinkludi fih il-marġni ta’ profitt tal-Enemed, bl-istqarrija ta’ Farrugia tgħid li dan ifisser li aktarx il-kumpanija qed tagħmel profitt kbir mill-akkwist tal-petrol u li l-poplu Malti u Għawdxi aktarx li qed jinsteraq.
Iċ-ċifri uffiċjali juru li l-medja tal-prezz tal-petrol madwar it-28 pajjiż tal-Unjoni Ewropea hu ta’ 52.377 ċenteżmu għal kull litru. Dan ifisser kważi tmien ċenteżmi irħas minn dak li jħallas il-poplu Malti u Għawdxi.
Jekk wieħed iqabbel il-prezz tal-petrol għall-Maltin, ma’ dak li jħallsu l-Olandiżi, joħroġ biċ-ċar kif il-Maltin qed iħallsu iktar minn 13-il ċenteżmu iktar minn dak li jħallsu l-Olandiżi.
Fl-istqarrija tiegħu, Alfred Farrugia jistaqsi jekk il-poplu Malti u Għawdxi hux iħallas iktar għall-petrol minħabba li l-Enemed għandha monopolju f’dan is-settur.
Jistaqsi wkoll għaliex il-kumpanija mhux ġġib il-petrol mis-sistemà msejħa bħala t-Tenders Electronic Daily tal-Unjoni Ewropea, biex tiggarantixxi l-irħas prezz possibbli.
Jistaqsi x’qed jagħmlu l-l-Awtorità Maltija għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur kif ukoll ir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma quddiem din is-sitwazzjoni u jekk l-Enemed hix eżentata mil-liġi dwar l-ammont ta’ biofuel fil-petrol li jinġieb f’pajjiżna.
Farrugia jistaqsi wkoll għaliex Malta qed titħalla tikser id-Direttiva tal-Unjoni Ewropea dwar l-Enerġija Rinnovabbli u min qed jipproteġi lill-konsumatur Malti.
//= $special ?>