Il-President ta’ Malta Marie Luoise Coleiro Preca kkommemorat s-70 Anniversarju tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem flimkien mal-Għaqdiet taż-Żgħażagħ Maltin waqt serata ta’ diskussjoni organizzata mill-Uffiċċju tal-President, fil-Palazz ta’ Sant’Anton.
Il-President Coleiro Preca fakkret fir-responsabbiltà li kulħadd għandu sabiex jiċċelebra u jipproteġi d-drittijiet universali ta’ kull persuna, mingħajr ebda distinzjoni – huma minn huma, huma minn fejn huma.
Il-President qalet li d-drittijiet tal-bniedem jiffokaw ukoll l-attenzjoni tagħna fuq il-valuri tal-ugwaljanza, tar-rispett u tal-ġustizzja, li huma l-pedament ta’ demokrazija sħiħa u b’saħħitha.
“Bħala studenti, intom tinsabu f’perjodu fil-ħajja tagħkom, fejn jeħtieġ li tiddefendu dawn id-drittijiet, jekk tridu li tgħixu fil-paċi, u f’demokrazija sħiħa u effettiva.”
Waqt l-indirizz tagħha lill-istudenti preżenti, il-President Coleiro Preca qalet li l-impenn lejn il-prinċipji tad-drittijiet tal-bniedem, jwassalhom sabiex jifhmu li l-inġustizzji li jeżistu fuq livell soċjali, ekonomiku jew ambjentali, huma ta’ theddida għall-ħajja nnifisha.
Il-President qalet li l-vuċijiet ta’ dawk preżenti, bħala żgħażagħ, għandhom jinstemgħu, mhux biss għax huma il-preżent tagħna, iżda huma wkoll il-mexxeja futuri tan-nazzjon tagħna u tad-dinja.
Fl-aħħar tad-diskussjoni, r-rappreżentanti tal-għaqdiet taż-żgħażagħ Maltin kixfu lapida kommemorattiva fil-Palazz ta’ Sant’ Anton.
//= $special ?>