Attrazzjoni li issa saret parti mill-kalendarju annwali tal-Akkwarju Nazzjonali fil-Qawra, spiċċat tiġbed l-għajn tal-midja internazzjonali.
Dan hekk kif għal sen’oħra, anke l-ħut daħlu fl-ispirtu tal-Milied bi żjara minn Father Christmas, li niżel jgħum fl-akkwarju flimkien mal-ħut.
Din l-idea oriġinali u differenti minn tas-soltu, wasslet biex kemm Euronews kif ukoll Reuters, żewġ aġenziji internazzjonali tal-aħbarijiet, taw prominenza lil pajjiżna u lil din l-inizjattiva partikolari.
Euronews xandret il-filmat tal-għaddas liebes ta’ Father Christmas waqt li jgħum ma’ kelb il-baħar u speċi oħra ta’ ħut waqt li kien hemm ukoll mument ħelu meta l-għajta ta’ ‘ho, ho, ho’ mill-istess għaddas ħarġet f’forma ta’ bżieżaq mill-apparat li kien qed juża biex jieħu n-nifs.
Reuters ukoll ippubblikat il-filmat tal-Akkwarju Nazzjonali, fejn jidher Santa nieżel fl-ilma waqt li l-ħut idur miegħu biex igawdi mill-ikel li kien qed iqassam.
L-istess aġenzija għażlet u xandret ir-ritratt tal-fotografu Darren Zammit Lupi li juri lill-għaddas, liebes ta’ Father Christmas, waqt li jitma lill-ħut u jgħum fl-istess akkwarju ma’ kelb il-baħar.
//= $special ?>
