Futbol Sport

Juventus jirbħu wkoll id-derby kontra Torino b’penalty ta’ Cristiano Ronaldo

(Ritratt: EPA)
Inter jirritornaw għar-rebħ

Juventus komplew jiddominaw il-kampjonat meta rebħu wkoll id-Derby della Mole kontra Torino 1-0. Ir-rebħa tal-Bianconeri b’penalty lejn nofs it-tieni taqsima li xejjen l-isforzi tal-avversarji li tal-anqas ma joħorġux telliefa. Torino offrew sfida denja b’intensita f’xi ħinijiet fejn kienu wkoll perikolużi f’xi istanzi tal-logħba, iżda ma wettqux assedji quddiem il-lasta ta’ Mattia Perin, li kien magħżul mill-kowċ Juventin Massimiliano Allegri għal din il-logħba.

Il-gowl deċiżiv wasal fis-70 minuta meta r-referee Marco Guida ordna penalty għal fawl tal-gowlkiper sostitut Salvador Ichazo fuq Mario Mandzukic. Mill-11-il metru nkariga ruħu s-solitu CRISTIANO RONALDO li skorja b’xutt fil-baxx fuq il-lemin tiegħu, b’Ichazo jmiss biss il-ballun.

Fil-logħba l-oħra, Inter irritornaw għar-rebħ meta għelbu lil Udinese wkoll bl-iskor ta’ 1-0. Inter kienu ġejjin minn perjodu ftit negattiv fejn fosthom fl-aħħar tliet logħbiet spiċċaw 2-2 kontra Roma, tilfu 1-0 kontra Juventus u fost il-ġimgħa spiċċaw 1-1 kontra PSV u sussegwentament kienu eliminati miċ-Champions League.

Il-mument li ddeċieda l-logħba seħħ fis-76 minuta meta Inter ingħataw penalty wara li Seko Fofana deher imiss il-ballun b’idu minn korner. Il-logħob kompla għaddej sakemm ir-referee Rosario Abisso kellu konsultazzjoni mal-VAR u wara li ra l-episodju ordna l-penalty. Is-solitu MAURO ICARDI nkariga ruħu u qarraq b’Juan Musso meta qabbeż il-ballun fin-nofs.

Tags