Futbol Sport

Kashima Antlers l-avversarji ta’ Real Madrid fis-semifinali tat-Tazza tad-Dinja tal-klabbs

(Ritratt: EPA)

L-avversarji taċ-Champions Ewropej Real Madrid fit-Tazza tad-Dinja tal-klabbs se jkunu Kashima Antlers wara li fil-kwarti tal-finali għelbu lit-tim Messikan Chivas de Guadalajara 3-2.

Chivas Guadalajara kienu marru minn fuq wara biss tliet minuti b’gowl ta’ Angel Zaldivar. Iżda Kashima Antlers ġabu d-draw fid-49 minuta minn Ryota Nagaki u marru fil-vantaġġ fis-70 minuta b’penalty ta’ Serginho. Hiroki Abe deher li għalaq il-logħba fl-84 minuta, iżda awto-gowl ta’ Leonardo Silva fil-ħin miżjud ħalla lill-Messikani jittamaw, iżda ma kienx fadal ħin biżżejjed biex jisfurzaw il-logħba għall-ħin barrani.

Il-Ġappuniżi jiltaqgħu kontra Real Madrid it-Tlieta 18 ta’ Diċembru filwaqt li fit-tieni kwarti tal-finali t-Tuneżini Esperance jilagħbu kontra Al-Ain li se jkunu qed jilagħbu f’darhom. Ir-rebbieħa jilagħbu s-semifinali l-oħra kontra River Plate li għadhom kif rebħu l-Copa Libertadores.