Lokali

Konrad Mizzi b’mossa oħra biex ikompli jtawwal l-inkjesta dwar Panama Papers

Il-Ministru Konrad Mizzi jkompli bl-attentati tiegħu li jtawwal kemm jiflaħ l-Inkjesta dwar Panama Papers.

Dan hekk kif Mizzi fetaħ kawża kostituzzjonali fejn qed jiddikjara li nkisirlu d-dritt tiegħu għal smiegħ xieraq waqt li jiddikjara li l-protest ġudizzjarju kontrih għandu l-iskop li jħammeġ l-integrità tiegħu.

Il-każ fil-konfront ta’ Konrad Mizzi kien beda wara li Simon Busuttil, dak iż-żmien Kap tal-Oppożizjzoni, kien talab li tibda inkjesta wara li l-Panama Papers kixfu li Konrad Mizzi u Keith Schembri, iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru kellhom kumpaniji fil-Panama.

L-inkjesta għandha l-għan li jsir magħruf jekk inkisrux il-liġijiet kontra l-ħasil ta’ flus meta uffiċjali għolja fi ħdan il-Gvern Laburista fetħu kumpaniji offshore fl-Panama. L-inkjesta għandha tinvestiga mhux biss lill-Ministru Mizzi u lil Keith Schembri, imma wkoll lill-Prim Ministru Joseph Muscat kif ukoll lil Brian Tonna, Karl Cini, Malcolm Scerri kif ukoll Adrian Hillmann.

Iżda minkejja li l-inkjesta suppost ilha li bdiet żmien twil, il-Ministru Konrad Mizzi għamel mossa wara l-oħra biex iżomm milli din tavvanza …  b’din il-kawża kostituzzjonali tkun l-iktar riċenti mit-tattiċi tiegħu biex isir dan.

Fl-applikazzjoni tiegħu, il-Ministru Mizzi jiddikjara li hu m’għandux jieħu sehem attiv fil-proċeduri li għaddejjin. Għall-kuntrarju tiegħu, Simon Busuttil bħal dejjem reġa’ kien preżenti fil-Qorti meta l-Ġimgħa kellu jkompli l-każ.

F’mossa ċara biex jaħrab milli jaffaċċja l-ġustizzja, fil-kawża kostituzzjonali tiegħu Konrad Mizzi jitlob lill-Qorti tiddikjara r-rikjesti ta’ Simon Busuttil, kif ukoll dawk ta’ David Casa, bħala nulli u ineffettivi.

B’reazzjoni għall-aħħar mossa ta’ Konrad Mizzi biex ma jaffaċċjax il-ġustizzja, id-Deputat Nazzjonalista Simon Busuttil iddikjara li dan hu attentat ieħor iddisprat biex Konrad Mizzi jwaqqaf l-inkjesta milli tibda.

Kompla li din il-mossa ta’ Konrad Mizzi hi biss attentat ieħor biex ifixkel il-ġustizzja u jkompli jtawwal iż-żmien tal-proċeduri.