Il-Prim Ministru tal-Awstralja, Scott Morrison, ikkonferma li l-Gvern tiegħu se jirrikonoxxi Ġersualemm tal-Punent bħala l-belt kapitali ta’ Iżrael.
Intant, Morrison spjega li l-ambaxxata Awstraljana mhix se titrasferixxi għal hemmhekk minn Tel Aviv qabel jintlaħaq ftehim għall-paċi. Hu żied li l-Awstralja tirrikonoxxi wkoll l-aspirazzjonijiet tal-Palestinjani biex ikollhom Stat għalihom, bil-kapitali f’Ġerusalemm tal-Lvant.
L-istatus ta’ Ġerusalemm hu fost l-aktar kwistjonijiet polemikużi bejn Iżrael u l-Palestinjani u l-Kap tal-Partit Laburista Awstraljan, Bill Shorten, qal li għandu ‘jirtira’ d-deċiżjoni tal-Gvern ta’ Morrison jekk kemm-il darba jirnexxilu jirbaħ l-elezzjonijiet tas-sena d-dieħla fl-Awstralja.
Il-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, kien qanqal kritika kbira fuq livell internazzjonali meta hu, is-sena l-oħra, irrikonoxxa l-belt antika ta’ Ġerusalemm bħala l-kapitali Iżraeljana. Ir-rilokazzjoni tal-Ambaxxata Amerikana għal Ġerusalemm, intant, kienet konkluża f’Mejju li għadda.
L-aħbar tal-Prim Ministru Morrison ingħatat wara perjodu ta’ konsultazzjoni mal-politiċi fl-Awstralja, kif ukoll mal-alleati barranin.
Meta tkellem illum, f’Sydney, Morrison ikkonferma ‘ir-rikonoxximent ta’ Ġerusalemm tal-Punent bħala s-sede tal-Knesset ( Parlament) u ħafna mill-istituzzjonijiet tal-Gvern Iżraeljan’. Hu awgura li l-Awstralja jkollha l-ambaxxata f’Ġerusalemm tal-Punent ‘ladarba iż-żmien ikun prattiku u wara d-determinazzjoni tal-istatus finali’.
Għalissa, l-Awstralja qed taħseb biex twaqqaf uffiċċju għad-difiża u l-kummerċ f’Ġerusalemm tal-Punent.
//= $special ?>

