Ir-rebbieħ tal-Ballun tad-Deheb Luka Modric ikkritika lil Cristiano Ronaldo u lil Lionel Messi talli naqsu li jattendu għaċ-ċerimonja tar-rebħ tal-Ballun tad-Deheb. Hu qal li dan ma kienx ġust mal-partitarji tal-futbol u indika li huma jemmnu li t-trofej għandhom valur meta jirbħuhom huma.
Modric rebaħ il-Ballun tad-Deheb aktar kmieni dan ix-xahar f’Pariġi biex temm dominju ta’ 10 snin li fihom Messi u Ronaldo rebħu l-Ballun tad-Deheb ħames darbiet kull wieħed.
“Ma nistax ngħid għaliex xi ħadd ma kienx preżenti, dik l-għażla tagħhom. Mhux ġust għall-plejers sħabhom, għal dawk li tawhom il-vot jew innominawhom fl-aħħar għaxar snin, kif ukoll għall-partitarji. Imma nirrepeti li kulħadd iġib ruħu bil-mod kif iridu huma,” qal Modric lil Sportske Novosti.
Modric iddeskriva lil Ronaldo u Messi bħala fenomeni, iżda enfasizza li l-Ballun tad-Deheb jirrikonoxxi l-plejer li kellu l-aqwa sena fil-futbol u mhux neċessarjament l-aktar b’talent.
“Jekk nivvutaw fuq il-kwalità tal-plejer, l-unika ħaġa li jkun fadal hu li nqassmu t-trofej kollha lil Messi u Ronaldo sakemm għadhom jilagħbu u nabbandunaw kull vot,” temm Modric.
//= $special ?>