Futbol Sport

Manchester City lura fil-quċċata tal-Premier League wara rebħa fuq Everton

(Ritratt: EPA)

Manchester City, iċ-Champions tal-Ingilterra, insew id-disfatta tal-ġimgħa li għaddiet ma’ Chelsea, b’rebħa, 3-1, fuq Everton fl-Etihad Stadium terġa’ ittellagħhom fl-ewwel post tal-Premier League. Dan meta s-Citizens qed jistennew ir-riżultat mil-logħba f’Anfield Road bejn Liverpool (it-tieni fil-klassifika, bi żvantaġġ ta’ żewġ punti) u Manchester United.

Ir-rebħa għal City – l-għaxar waħda konsekuttiva għalihom fil-kampjonat – rari kienet f’dubju mindu Gabriel Jesus irċieva mingħand Sane u spara ġewwa b’xutt fil-baxx wara 22 minuta. Jesus kien ilu minn Awwissu ma jiskorja fil-league iżda patta għal dan bit-tieni gowl tiegħu, mal-bidu tat-tieni taqsima, meta Sane, mill-ġdid, ipprovda l-assist u bl-attakkant Brażiljan jegħleb mill-ġdid lill-gowlkiper Pickford bir-ras.

Għalkemm City kienu dominanti, Everton irnexxielhom inaqqsu l-vantaġġ fil-65 minuta minn Calvert-Lewin li daħal tajjeb għall-cross ta’ Digne. Iżda t-tamiet tat-Toffees ħadu doċċa kiesħa meta s-sostitut, Raheem Sterling, reġa’ żied il-vantaġġ ta’ City b’gowl bir-ras, erba’ minuti biss wara. Il-gowl tat-3-1 wasal fuq il-cross ta’ Fernandinho u kien biżżejjed għal City biex jokkupaw mill-ġdid il-pożizzjoni ‘familjari’ f’ras il-klassifika huma u jistennew l-impenn diffiċli tallum għall-Merseysiders.

Sadanittant, Tottenham Hotspur tħabtu ferm biex jegħlbu lil Burnley f’Londra u kellu jkun gowl uniku skurjat fil-91 minuta mis-sostitut Christian Eriksen li ta t-tliet punti lit-tim ta’ Mauricio Pocchettino. Spurs, li ftit tal-jiem ilu kwalifikaw għall-fażi li jmiss taċ-Champions League, kienu fuq l-attakk għal ħafna ħinijiet iżda l-Clarets iddefendew b’għaqal u mhux ftit tal-qlubija, bil-gowlkiper Joe Hart jipproduċi numru ta’ saves diffiċli. Intant, l-assedju ta’ Tottenham ħalla l-frott fl-aħħar nifs meta Harry Kane għadda l-ballun lil Eriksen li ma ta l-ebda ċans lil Hart b’xutt qawwi li konsolida r-rebħa u t-tielet post għal Spurs fil-klassifika.

Ġmiel ta’ gowl skurjat minn Luka Milivojevic wara 39 minuta kien biżżejjed biex jagħti tliet punti importanti lil Crystal Palace għall-ispejjeż ta’ Leicester City. B’din ir-rebħa, Palace inqatgħu ftit miz-zona l-ħamra tal-klassifika iżda kellhom jirreżistu pressjoni kbira lejn l-aħħar tal-logħba, bil-Foxes imorru viċin li jsalvaw punt diversi drabi. Il-gowl ta’ Milivojevic wasal b’xutt qawwi minn barra l-kaxxa li għeleb għal kollox lill-gowlkiper Schmeichel, b’Leicester, imbagħad, ikollhom ‘gowl ta’ Vardy imħassar u bil-gowkiper ta’ Palace, Guaita,ikompli jiċħad lill-istess Vardy – darba minnhom bl-għajnuna tal-lasta — fit-tieni taqsima.

Huddersfield Town sofrew ir-raba’ telfa konsekuttiva fil-kampjonat, b’gowl kontra x-xejra tal-logħob skurjat fit-tieni taqsima minn Salomon Rondon ikun biżżejjed biex jagħti l-punti lil Newcastle United. B’din ir-rebħa – ir-raba’ tal-istaġun — il-Geordies fetħu vantaġġ ta’ sitt punti fuq Huddersfield u wara li ma swiet xejn il-pressjoni tat-Terriers fuq il-lasta ta’ Newcastle, fejn Philip Billing u Chris Lowe naqsu li jisfruttaw okkażjonijiet ta’ skor tajbin.

Watford għelbu lil Cardiff City, 3-2, ġo Vicarage Road, iżda l-Bluebirds għal ftit ma konkludewx rimonta inkredibbli, b’żewġ gowls skurjati fi spazju ta’ żewġ minuti ( fit-80 u t-82 minuta) meta sa dak il-ħin, il-Hornets kienu kmandi assoluti tal-logħba. Fil-verità Watford kien ħaqqhom il-punti, b’Deulofeu (16), Holebas (52) u Quina (68) kollha jsibu x-xibka, bl-avversarji ma jidhru mkien. Għaxar minuti mit-tmiem Junior Hoilett naqqas il-marġni għal Cardiff u ftit wara Bobby Reid ħasad lil Watford meta għeleb lil Foster għat-tieni darba biex jaċċerta tmiem drammatiku. Intant, id-difiża tal-Hornets, minn dak il-ħin żammet sod u rnexxilha tbiegħed kull periklu sat-tmiem.

Wolves kisbu rebħa mistħoqqa, 2-0, fuq Bournemouth f’Molineux u għal riżultat li jfisser li ċ-Cherries tilfu sitta mill-aħħar seba’ logħbiet fil-kampjonat. Raul Jimenez (12) fetaħ l-iskor bil-ħames gowl personali tal-istaġun meta dawwar għal ġewwa ix-xutt ta’ Diogo Jota wara l-iżball ta’ Charlie Daniels. Bournemouth ippruvaw iwettqu reazzjoni, b’Junior Stanislas jolqot il-mimduda bi freekick, iżda kienu Wolves li rduppjaw meta, fit-tieni taqsima, is-sostitut, Ivan Cavaleiro irċieva mingħand Costa u konkluda bil-kalma wara li spiċċa wiċċ-imb-wiċċ mal-gowlkiper Begovic.

West Ham United ħarġu bil-punti massimi mid-derby ta’ Londra kontra Fulham fi Craven Cottage. Ir-rebħa, 2-0, kienet ir-raba’ waħda konsekuttiva għall-Hammers fil-kampjonat u meta West Ham ilhom ħames snin ma jkunu f’din il-vena pożittiva. Fulham fetħu tajjeb iżda l-Hammers aċċertaw mill-punti b’żewġ gowls skurjati fl-ewwel taqsima minn Snodgrass (17) u Antonio (29). Il-Cottagers – li rebħu darba biss fil-ħames logħbiet li ilhom immexxija minn Claudio Ranieri – ftit li xejn ħolqu ċansijiet fit-tieni taqsima u baqgħu jaqsmu l-aħħar post ma’ Southampton, meta s-Saints lagħbu logħba anqas minnhom.