Eluf ta’dimostranti, fi Franza, reġgħu ħarġu jipprotestaw fit-toroq tal-ibliet, f’Sibt ieħor ta’ dimostrazzjonijiet kontra l-Gvern tal-President Franċiż, Emmanuel Macron. L-aħħar protesti rrankaw minkejja s-sejħa ‘biex in-nies jibqgħu lura’ wara l-attakk terroristiku tat-Tlieta fis-Suq tal-Milied ta’ Strasbourg li rriżulta f’diversi mejtin u midruba.
Il-pulizija u l-qawwiet tas-sigurtà ħarġu bi ħġarhom f’Pariġi bil-għan li jrażżnu l-potenzjal għall-inċidenti vjolenti li saru sinonimi ma’ dawn id-dimostrazzjonijiet.
S’issa kienu rappurtati diversi arresti fost l-inċidenti fil-kapitali, bil-pulizija jisparaw il-gass tad-dmugħ lejn gruppi ta’ dimostranti li ġġieldu għal xi żmien mal-iskwadri għall-kontra l-irvellijiet, qrib ta’ Champs-Elysees.
Intant, osservaturi qalu li l-folol fit-toroq huma ‘anqas minn tal-ġimgħat preċedenti’ fejn id-dimostranti magħrufa bħala ‘tal-ġgieget sofor’ mexxew protesti tal-massa konsekuttivi li ħallew ‘wied ta’ straġi’ fost il-battalji mal-qawwiet tal-liġi.
L-indikazzjonijiet huma li l-protesti attwali, f’Pariġi, huma ‘anqas imqanqlin’ minn ta’ qabel, iżda d-dimostranti qalu li l-moviment li qed jipprotesta kontra l-politika ekonomika ta’ Macron għandu jkompli ‘sakemm l-ilmenti tan-nies ikunu indirizzati’.
Intant, madwar 70,000 pulizija Franċiżi jinsabu fuq allert bil-preżenza tagħhom tkun reinfurzata anki fl-ibliet ta’ Bordeaux, Toulouse u Saint-Etienne.
//= $special ?>

