Il-mixja impressjonanti ta’ Juventus f’dan l-istaġun wasslet biex il-maġġoranza assoluta tan-nies qed jgħidu li l-kampjonat diġà magħluq minkejja li għadu lanqas spiċċa l-ewwel rawnd. Dan għaliex waqqgħu biss żewġ punti wara 15-il logħba u jinsabu tmien punti vantaġġ fuq l-eqreb rivali. Għalkemm il-kwalità fit-tim ta’ Juventus hi wisq għat-timijiet l-oħra, ċertu logħbiet jitqiesu ftit aktar diffiċli u dan hu l-każ fil-logħba tal-lum.
Id-derby kontra Torino tkun dejjem logħba diffiċli, anki jekk Torino mhux tal-livell tal-Bianconeri. Fil-preżent, it-tim ta’ Walter Mazzarri jinsab fis-sitt post bi prestazzjonijiet pożittivi li qed jindikaw li jistgħu jisfidaw għal post fl-Europa League staġun ieħor.
Inċidentalment, Torino marru aħjar f’dan l-istaġun meta lagħbu barra minn darhom bi tliet rebħiet u draw f’seba’ logħbiet f’darhom. Juventus fuq in-naħa l-oħra rebħu s-seba’ logħbiet li lagħbu barra mill-Allianz Stadium u dan ikompli jikkonferma s-saħħa tagħhom.
It-tama tal-partitarji Granata tkun li l-plejers tagħhom jirrepetu dak li sar fl-2015, b’Torino jirbħu l-uniku derby fl-aħħar 12-il logħba.
Inter qed ifittxu li jirritornaw għar-rebħ wara li fost il-ġimgħa kienu eliminati miċ-Champions League fi draw ta’ 1-1 kontra PSV, fir-ritorn tagħhom fil-kompetizzjoni. Il-kowċ Luciano Spalletti għandu biċċa xogħol mhux faċli biex jerġa’ jqajjem l-ispirtu u jżomm lit-tim konċentrat hekk kif fl-aħħar ħarġiet fil-kampjonat, spiċċaw 2-2 kontra Roma u tilfu 1-0 kontra Juventus, biex tal-anqas iżommu t-tielet post.
Udinese riċentament għamlu bidla fit-tmexxija teknika, b’Davide Nicola jegħleb lil Roma u spiċċa 0-0 kontra Sassuolo, sakemm fl-aħħar logħba kienu megħluba minn Atalanta 3-1. Is-sitwazzjoni tagħhom fil-preżent mhix feliċi hekk kif jinsabu biss żewġ punti fuq iż-żona tar-relegazzjoni u għalhekk kull punt jgħodd u jkun importanti aktar jekk jassal barra mid-Dacia Arena kontra wieħed mill-aħjar timijiet. Inter rebħu sitta mill-aħħar seba’ logħbiet kontra Udinese.
//= $special ?>