Lokali Qorti

Filippin jammetti li nefaq €4,000 milli seraq

Filippin li seraq €16,000 mingħand il-familja li kien ilu snin jaħdem magħha, ammetta li lagħab €4,000 minnhom f’lejl wieħed biss.

Il-każ seħħ il-Ġimgħa, meta l-familja minn Ħal Balzan irrappurtat numru ta’ affarijiet nieqsa kif ukoll il-flus kontanti.

Fl-istess waqt fl-għassa ta’ Birkirkara daħal ukoll rapport dwar pakkett suspettuż fl-inħawi, li wara nstab li kien fih uħud mill-oġġetti misruqa, iżda mhux il-flus.

Il-Filippin, Amadeo Mantilla Mando ta’ 44 sena, ġie arrestat wara li kien l-uniku li deher fil-kameras tas-sigurtà tar-residenza.

Hu ammetta li seraq il-flus, iżda rritorna biss €12,000 għax il-kumplament kien lagħabhom hekk kif għandu l-vizzju tal-logħob.

Ir-raġel inżamm arrestat sakemm tingħata s-sentenza matul il-ġimgħa d-dieħla.