Internazzjonali

Ifakkru l-vittmi tal-attakk fi Strasburgu

Ir-residenti fil-belt ta’ Strasburgu, il-Ħadd fakkru l-erba’ vittmi tal-attakk li sar tul is-suq tal-Milied.
Dan waqt ċerimonja li saret fi Pjazza Kleber tul il-post fejn isir is-suq tal-Milied u fejn nhar it-Tlieta sar l-attakk. B’kollox, madwar 1,000 persuna attendew iċ-ċerimonja li ntemmet b’minuta applaws u d-daqq tal-innu nazzjonali Franċiż.
Fid-diskors tiegħu, Roland Ries, is-Sindku ta’ Strasburgu, faħħar lir-residenti għad-determinazzjoni li wrew quddiem traġedja bħal din. Huwa partikolarment semma l-folla kbira li kien hemm is-Sibt hekk kif reġa’ fetaħ is-suq tal-Milied.
Il-Ħamis intemmet it-tfittxija intensiva għal Chérif Chekatt ta’ 29 sena, li wettaq l-attakk. Dan wara li huwa nqatel mill-Pulizija fi sparatura fiz-zona ta’ Strasburgu fejn trabba.