Lokali

IL-KAMPANJA TAL-ABORT: Il-Gvern totalment fil-muta

Il-Gvern u Kastilja tul din il-ġimgħa baqgħu siekta wara li bħal-lum ġimgħa, il-mument żvelat kif il-Gvern ta’ Joseph Muscat qed jikkunsidra pjan mhux daqstant fit-tul biex fil-pajjiż ikun hawn kampanja li tagħmel possibbli li jsir l-abort fi sptarijiet liċenzjati għal dan l-iskop, sa issa l-Gvern għadu kompletament fil-muta.

Ġimgħa minn din l-aħbar, ma kien hemm ebda reazzjoni jew xi stqarrija minn Kastilja jew mill-Gvern tal-Prim Ministru Muscat.

il-mument bħal-lum ġimgħa żvelat kif Kastilja diġà mbarkat fuq numru ta’ diskussjonijiet kif se jitwassal dan il-ħsieb fis-soċjetà Maltija u Għawdxija, minkejja li l-Gvern jista’ jkun akkużat li f’din il-leġislatura m’għandux il-mandat biex idaħħal tali liġi favur ċerti raġunijiet li jagħmlu l-abort permissibbli.

Il-pjan ta’ Kastilja fih innifsu hu wkoll piż ġdid fuq il-Prim Ministru Joseph Muscat li issa jrid jara kif se jagħmel iċ-ċaqliq ġdid meħtieġ anki fuq livell ta’ Presidenza, u dan biex jassigura li Kastilja ma jkollha ebda problemi biex il-President ta’ Malta japprova u jiffirma l-liġi li ddaħħal f’pajjiżna l-abort.

Jekk il-Ministru Evarist Bartolo kien diġà identifikat għal tali ħatra, issa jidher li kollox tar mar-riħ grazzi għal dak li tixtieq Kastilja jekk jidħol l-abort fil-pajjiż.

Bl-ewwel ħsibijiet tal-Gvern fuq l-eks Ministru George Vella u mbagħad fuq il-Ministru Evarist Bartolo bħala President ta’ Malta, il-Gvern ta’ Joseph Muscat kien se jkollu diffikultà kif dan l-Abbozz ta’ Liġi jsir Liġi – kif kien ukoll isib diffikultà bil-President uxxenti Marie-Louise Coleiro Preca.
F’dan ix-xenarju jidher ċar li ħarset Joseph Muscat issa qed tiffoka fuq il-Ministru Helena Dalli li diġà ma ipprestatx ruħha bħala kontra xi tip ta’ abort bħal pereżempju abort kawżat minn stupru.