Lokali

Il-każ ‘Gafà’ joħroġ aktar fid-dieher il-qasma fil-Labour

Ta' Chris Fearne konxji mill-fatt li numru ta' nies b'dellhom tqil qed ikunu ta' dannu mhux biss għar-reputazzjoni ta' Joseph Muscat – li donnu hu hijacked minnhom – imma wkoll għall-Partit Laburista

Dak li il-gazzetta il-mument ilha tinsisti fuqu għal bosta ġimgħat jekk mhux xhur – ċioè dwar il-qasma interna fil-Partit Laburista prinċipalment bejn ta’ Kastilja u ta’ Chris Fearne – fil-jiem li għaddew ħarġet aktar fil-beraħ biex issa hu stat ta’ fatt apert li Joseph Muscat u Christ Fearne huma fuq fronti pposti għal ta’ xulxin.

Il-kwistjoni ‘Gafà’ u l-mod kif kienet trattata minn ta’ Kastilja u mill-Viċi Prim Ministru Chris Fearne wriet li filwaqt li Joseph Muscat lest li joħroġ għonqu għal nies b’dell tqil ta’ allegazzjonijiet marbuta ma’ korruzzjoni u prattiċi irregolari, Chris Fearne qiegħed juri li hu mhux lest jiċċappas ma’ dawn it-tip ta’ nies.

Joseph Muscat issa ilu għal dawn l-aħħar xhur u snin joħroġ għonqu bl-aktar mod sfaċċat għal ċerti persuni li fuqhom hemm imdendla ħafna mistoqsijiet u allegazzjonijiet…il-Ministru Konrad Mizzi, iċ-Chief of Staff Keith Schembri, Neville Gafà u oħrajn.

Chris Fearne fir-rigward ta’ dawn kollha għandu riservi kbar ħafna u internament kien qiegħed iwiegħed li kemm-il darba jkun fit-tmun tal-Partit Laburista hu, u allura anki Prim Ministru, dawn in-nies u oħrajn b’dellhom tqil ma kellhomx posthom madwaru.

Dak li ġara fil-jiem li għaddew fil-kwistjoni ‘Gafà’ kompla jixħet aktar dawl fuq dan il-konfront dirett bejn ta’ Kastilja u dawk ta’ Chris Fearne. Hu evidenti li Neville Gafà jfisser qasma ċara bejn ta’ Kastilja u ta’ Chris Fearne.

Hu sigriet magħruf kif Neville Gafà tul il-leġislatura li għaddiet u anki f’din il-leġislatura, iffanga kemm felaħ. Fost l-oħrajn bil-barka ta’ Kastilja li aġevolatu kemm-il darba minkejja li l-istess Neville Gafà kien u għadu fiċ-ċentru tal-iskandlu fl-allegazzjonijiet dwar ħruġ tal-Visa Mediċi lil għadd kbir ta’ persuni Libjani.

Fost l-oħrajn Neville Gafà kien aġevolat minn ta’ Kastilja billi dan iddaħħal jaħdem fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru f’Kastilja, b’paga ‘privileġġjata’ biex iservi fil-Customer Care. Jirriżulta li għal dak ir-rwol biss fil-Customer Care, Neville Gafà kien ingħata paga fl-iskala ta’ Manager tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi – jiġifieri paga ta’ madwar €45,000 fis-sena.

Sa qabel l-aħħar elezzjoni ġenerali li għaddiet, Neville Gafà kien jaħdem fil-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi. U fil-fatt, kien minħabba dan ir-rwol li Neville Gafà kien spiċċa taħt l-attenzjoni tal-midja meta faqqa’ l-iskandlu tal-visas mediċi lil għadd ġmielu ta’ persuni Libjani. Skandlu li fih, kien allegat li Neville Gafà kien ixxaħħam mill-applikazzjonijiet għall-Visa Mediċi.

Kien waera l-elezzjoni ġenerali li għaddiet li Neville Gafà ngħata rwol fil-Customer Care f’Kastilja. Dakinhar tali ħatra kienet wasslet biex impjegati Laburisti oħrajn fl-istess Customer Care f’Kastilja kienu urtati għall-aħħar dwar il-mod kif Neville Gafà kien ingħata dan il-pakkett daqstant vantaġġuż ta’ €45,000 fis-sena – aktar mid-doppju ta’ kemm jaqilgħu paga huma, u għall-istess xogħol li jagħmlu huma.

L-istess impjegati kienu fakkru li sadanittant dwar l-iskandlu tal-Visa Mediċi, Neville Gafà kien kemm-il darba ċaħad l-allegazzjonijiet li kienu saru fil-konfront tiegħu u l-Pulizija ma kenitx kapaċi tagħmel investigazzjoni serja dwar dawn l-allegazzjonijiet u waslet biss biex ħadet passi kontra l-persuna ta’ nazzjonalità Libjana li kien għamel l-allegazzjonijiet.

Fil-fatt fl-2016 meta Neville Gafà kien jaħdem fil-Ministeru tas-Saħħa, kien allegat minn whistleblower Libjan li kien qed imexxi ċirku ta’ ħruġ ta’ Visa Mediċi u għal dan allegatament kien jitlob ħlas ta’ €2,500 għal kull persuna. Minkejja dan ir-rapport tal-whistleblower u diversi allegazzjonijiet oħra li daħħal madwar €38,000, il-Pulizija kienet qalet li ma kienx hemm provi biżżejjed biex hu jitressaq il-Qorti.

Isem Neville Gafà rritorna bil-qawwa fl-aħbarijiet ftit tal-jiem ilu meta fil-midja Libjana kien hemm rapporti dwar żjara “uffiċjali” minn Neville Gafà, konsulent fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, fil-Libja.

Irriżulta fil-midja Libjana, inkluż mill-Uffiċċju tal-Komunikazzjoni tal-Gvern Libjan, rapporti dwar din iż-żjara ta’ Neville Gafà fi Tripli, li matulha kien rapportat li kellu laqgħat ma’ diversi uffiċjali għolja Libjani, fosthom mal-Ministru tal-Intern Libjan Fathi Pasha.

Fir-rapporti fil-midja Libjana, Neville Gafà kien deskritt bħala “il-mibgħut speċjali tal-Prim Ministru Joseph Muscat.” Ir-rappurtaġġ taż-żjara fil-Libja kien jinkludi wkoll ritratti uffiċjali tal-Ministeru tal-Intern.
Dwar dawk ir-rapporti, Neville Gafà kien ċaħad li mar il-Libja fuq xogħol u nsista li ż-żjara fil-Libja kienet waħda personali fejn iltaqa’ ma’ numru ta’ nies li kien jaf, uħud minnhom uffiċjali għolja fil-Gvern Libjan.
Fost l-oħrajn waqt iż-żjara tiegħu fil-Libja, Neville Gafà ltaqa’ wkoll ma’ Haithem Tajouri, li hu l-Kap tal-milizzja Libjana ‘Tripoli Revolutionaries Brigade’. Iżda meta mistoqsi dwar din il-laqgħa, Neville Gafà l-ewwel ċaħad, imbagħad kellu jammetti li din kienet biss kumbinazzjoni għax rah fit-triq.

Fid-dawl ta’ din id-dikjarazzjoni, il-midja Libjana wieġbet billi qalet li l-laqgħa bejn Neville Gafà u Haithem Tajouri kienet waħda ppjanata, u altru milli kumbinazzjoni fit-triq.

Dan iqajjem tħassib hekk kif Haithem Tajouri hu akkużat b’diversi ksur tad-drittijiet umani u saħansitra li taħt it-tmexxija tiegħu sparixxew diversi persuni, kif ukoll b’ġenoċidju u torturi ta’ persuni li kienu jappoġġjaw lill-eks Mexxej Libjan Muammar Al Gaddafi.

Skont in-Nazzjonijiet Uniti, Haithem Tajouri jinsab akkużat ukoll b’estorsjoni u b’metodi li jixbħu l-istil tal-mafja, li kiseb ammonti kbar ta’ flus minn persuni li żaru l-Libja kif ukoll b’korruzzjoni.

Sadattant rapporti fil-midja lokali dwar din iż-żjara partikulari kienu, fost l-oħrajn, jgħidu li Neville Gafà kien irnexxielu jiżgiċċa lill-awtoritajiet tas-sigurtà Libjani li kellhom ordnijiet biex iżommuh.

Kien irrapportat ukoll li sezzjoni tal-midja Libjana qalet li Neville Gafà ngħata informazzjoni li kien se jinżamm, biddel il-pjani tiegħu fl-aħħar ħinijiet u wasal lura Malta permezz ta’ titjira mit-Tuneżija.

Dwar dan kollu Neville Gafà ċaħad u qal li dawn kienu ‘fake news’ instigati minn sezzjoni tal-midja Libjana intiża biex “tħammeġ ir-reputazzjoni tajba tiegħu.”

Fi żvilupp ieħor dwar dik is-safra partikulari, il-Ministru tal-Affarijiet Barranin Carmelo Abela tenna li Neville Gafà’ mhux impjegat tal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin, u m’għandux passaport diplomatiku.

Qal li Charles Saliba għadu fil-proċess li jinħatar Ambaxxatur Malti għal-Libja. Hu qal li l-Gvern “talab spjegazzjoni” mingħand Neville Gafà dwar iż-żjara tiegħu.

Fi żvilupp ieħor dwar dan l-aktar każ reċenti minn Neville Gafà, Ivan Grech Mintoff li jmexxi l-Alleanza Bidla, fi programm fuq it-televiżjoni qal li:“Qaluli li offrewlhom ħafna ħafna ħafna flus u affarijiet.”

Ivan Grech Mintoff żvela li fid-19 ta’ Novembru li għadda, Neville Gafà mar il-Libja biex jiltaqa’ mal-Libjani li se jixhdu f’każ dwar ħruġ ta’ Visa Mediċi lil-Libjani.

Rapporti internazzjonali kienu sostnew li Malta kienet ħarġet aktar minn 80,000 Visa Medika lil-Libjani biex jaċċessaw iz-zona Schengen, u li fosthom potenzjalment kien hemm kriminali u terroristi.
Ivan Grech Mintoff allega li matul iż-żjara tiegħu Neville Gafà offra lix-xhieda dak li ddeskriva bħala “ħafna ħafna u ħafna flus” bil-patt u kundizzjoni li ma jixhdux kontrih.

Hu fl-isfond ta’ dan ix-xenarju kollu li tkompli toħroġ fil-beraħ il-qasma bejn ta’ Kastilja – li jipproteġu lil Neville Gafà – u ta’ Chris Fearne bil-Viċi Prim Ministru nnifsu u direttament ikeċċi lill-istess Neville Gafà mir-rwol tiegħu fil-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi (FMS).

Din kienet it-tieni darba li l-Viċi Prim Ministru Chris Fearne sfida lil ta’ Kastilja u neħħa lil Neville Gafà mill-pożizzjoni tiegħu, fejn kien intagħżel fuq bażi ta’ position of trust. Chris Fearne kien neħħa lil Neville Gafà wkoll mill-Ministeru tas-Saħħa immedjatament wara li kien sar Ministru ta’ dan id-dekasteru.
Iżda għad-deċiżjoni ta’ Chris Fearne, wieġeb immedjatament il-Prim Ministru Joseph Muscat li baqa’ jiddefendi lil Neville Gafà… anzi saħansitra faħħru għal ħidmietu u qal li se jżomm postu fi ħdan l-uffiċċju tiegħu f’Kastilja għax fi kliemu qed jagħmel xogħol tajjeb ħafna.

Sorsi li tkellmu ma’ il-mument fissru li ma jistgħux jifhmu l-imġiba tal-Prim Ministru Joseph Muscat li joħroġ għonqu għal dawk li isimhom jispiċċa mċappas mal-korruzzjoni u l-abbużi… u dan il-każ hu ieħor tipiku tal-istess Joseph Muscat.

Huma staqsew jekk dawn it-tali persuni jafux iżżejjed dwar il-Prim Ministru bir-riżultat li hu ma jistax jagħmel mod ieħor għajr li jiddefendihom iżda fl-istess waqt ikompli jdgħajjef il-pożizzjoni tiegħu fejn issa aktar xquq u konsenturi qed ikomplu jitfaċċaw fi ħdan il-Gvern tiegħu.

Diġà il-mument nhar il-Ħadd li għadda żvela kif stħarriġ intern tal-opinjoni pubblika li sar fil-jiem li għaddew mill-Partit Laburista wera li xejn inqas minn 56 fil-mija ta’ dawk li jivvutaw Labour iridu li l-Ministru Konrad Mizzi jirriżenja u jdabbar rasu.
Jirriżulta wkoll li meta wieħed jieħu l-istess mistoqsija fuq livell ta’ Malta u Għawdex kollha, allura jirriżulta li jkunu 79 fil-mija li jaqblu li Konrad Mizzi għandu jirreżenja minn Ministru u jdabbar rasu.