Kien Gvern Nazzjonalista li bil-ħatra ta’ George Abela bħala President, ta sinjali ta’ rieda tajba u għaqda.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia dalgħodu f’intervista fuq Net FM qal li llum iktar minn qatt qabel hemm bżonn ta’ sinjal ta’ maturita’ politika u għaqda. Hu qal li Joseph Muscat għandu opportunità tad-deheb sabiex jagħmel propju dan, issa li fil-ġimgħat li ġejjin se jkun qed jagħmel l-għażla għall-Presidenza ta’ pajjiżna.
Adrian Delia tkellem ukoll dwar ir-rapport tal-Venice Commission li mistenni jkun ippubblikat din il-ġimgħa u li dwaru ħarġu stqarrija jumejn ilu. Fl-istqarrija, il-Venice Commission tagħmel elenku sħiħ ta’ nuqqasijiet fis-sistema politika Maltija fejn fost l-oħrajn tiddeskrivi lill-uffiċju tal-Prim Ministru bħala ċ-ċentru ta’ poter assolut f’pajjiżna.
Hu qal li Joseph Muscat, bil-ħatriet li għamel, bħall-Kummissarju tal-Pulizija, il-Ministri u persuni oħra fl-uffiċju tiegħu u f’karigi oħra qed jagħraf jgħaddi minn loopholes biex ikun jista’ juża l-awtoritatjiet b’vantaġġ għalih.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista tkellem ukoll dwar il-każ ta’ Neville Gafa u l-Visas mediċi. Hu beda billi qal li l-ewwel jikkundanna kull theddid li jsir fuq min ikollu l-kuraġġ li jitkellem u li l-Partit Nazzjonalista se jkun dejjem hemm biex jiddefendi d-dritt tal-persuni li jridu jitkellmu. Hu qal dan b’referenza għat-theddid li rċieva fuq ħajtu Ivan Grech Mintoff meta kixef id-dettalji kollha taż-żjara li għamel fil-Libja Gafa, ftit sigħat biss wara li l-Maġistrat Francesco Depasquale talb li jisma x-xhieda tal-Libjani involuti fil-każ.
Adrian Delia qal li dan il-każ kompla jikxef il-qasma fil-Gvern hekk kif il-Viċi Prim Ministru Chris Fearne keċċa minnufih lill-Gafa mill-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediciċi filwaqt li sigħat wara, Muscat ħareġ jiddefendi lill-istess Gafa u jgħid li “qed jagħmel xogħol tajjeb”.
Adrian Delia qal li hemm numru ta’ persuni li Joseph Muscat qed ikollu jibqa’ jiddefendi akkosta ta’ kollox u sejjħilhom bħala ‘untouchables’.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni tkellem ukoll dwar Brexit. Hu qal li minkejja li l-Gvern qed jgħid li qed iħejji għal dan il-proċess, qed jonqos għal kollox milli jispjega x’qed jiġri sabiex persuni Maltin li għandhom rabtiet kummerċjali jew rabtiet oħrajn mar-Renju Unit ikun ppreparati għal li ġej.
Hu temm jgħid li din l-inċertezza tista’ ssarraf f’telf ta’ ħafna flus u opportunitajiet għal ħafna nies.