Lokali

Joseph Muscat jgħid li f’pajjiżna m’hawnx problemi

Muscat iwieġeb lill-istqarrija tal-Venice Commission dwar is-saltna tad-dritt f'pajjiżna

“Aħna l-ewwel nies għidnilhom: M’għandniex problemi!”

Din hi t-tweġiba tal-Prim Ministru, Joseph Muscat għat-twissija iebsa mill-Kummissjoni tal-Unjoni Ewropea għad-Demokrazija, magħrufa aħjar bħala l-Venice Commission.

Twissija li diġa’ ngħatat lill-Gvern Malti fi stqarrija l-Ġimgħa, u li mistennija tkun ikkonfermata f’rapport uffiċjali li se jiġi ppubblikat matul il-ġimgħa.

Fost l-oħrajn, din l-istqarrija tgħid li s-saħħa tal-uffiċju tal-Prim Ministru tħalli awtoritajiet oħra kompletament bla saħħa … uffiċċju tal-Prim Ministru li fir-rapport tal-Venice Commission hu meqjus bħala ċ-ċentru tal-poter assolut f’pajjiżna u bħala theddida għas-saltna tad-dritt.

Il-Venice Commission għandha l-għan li tgħin membri stati jżommu l-istituzzjonijiet legali tagħhom fil-livell mitlub mill-Unjoni Ewropea, u hija magħmula minn esperti tal-liġi kostituzzjonali.

Intant, f’ġimgħa fejn erġajna esperjenzajna żieda qawwija fit-traffiku minkejja li l-Gvern jiftaħar bil-kontra, fid-diskors tiegħu lill-attivisti Laburisti fil-Fgura l-Ħadd filgħodu, Muscat prova jiġġustifika dan:

“Ħa jkollna sistemi fit-toroq il-ġodda fejn anki min jippreferi li juża r-roti jkollu iktar postijiet fejn dawn ir-roti jingħataw il-prijorità. Infratruttura li taħseb għat-trasport pubbliku.”

Iżda huwa fatt magħruf li dan mhuwiex minnu hekk kif it-toroq imwessgħin la jaħsbu għar-roti u lanqas għall-karozzi tal-linja.

Diversi nies li tkellmu ma’ dan l-istazzjon qalu li qajla raw differenza bil-proġetti tal-Ministru Ian Borg, li qabad iwessa’ kull triq ezisteni b’toroq b’4 karreġġjati ftit qed ihallu effett fuq il-kongestjonijiet.

Il-konġestjonijiet matul din il-ġimgħa affetwaw diversi ħaddiema, sewwieqa li jqassmu x-xoghol fil-ħwienet, it-trasport pubbliku u anke t-trasport tal-vannijiet tal-iskola.

U wara li l-Ministru Jose Herrera din il-ġimgħa ammetta n-nuqqasijiet tas-sistemà tal-ġbir tal-iskart, Muscat ipprova jbaxxi din il-problema .

“Tajna dawk il-bins u mhux il-bins kollha waslu fil-ħin. U mhux dejjem ikun naqra problema ’l hawn u problema ’l hemm.”

Il-Ministru tal-Ambjent Jose Herrera stess ammetta li wħud mil l-kolletturi qed iħalltu l-borża s-sewda ma’ dik organika u allura qed jiksru il-liġi, iżda s’issa s-sistemà għadha mimlija nuqqasijiet.

Minflok dawn in-nuqqasijiet laqa’ għalihom minn qabel, il-Ministru Herrera stess ammetta li kien biss issa li talab lit-tim tiegħu biex isiru emendi leġiżlattivi u jiġu indirizzati dawn in-nuqqasijiet.