Lokali

L-ex mexxej tal-Partit Laburista jgħid li Konrad Mizzi għandu jirriżenja

Il-Ministru Konrad Mizzi għandu jirriżenja.

Hi din id-dikjarazzjoni li sentejn u nofs ilu kien għamel il-Membru Parlamentari Ewropew Laburista Alfred Sant, liema dikjarazzjoni għadu jemmen fiha a llum-il ġurnata.

“Ir-risposta tiegħu se tibqa’ dejjem l-istess,” iddikjara l-eks mexxej Laburista f’intervista ma’ The Sunday Times of Malta.

Sant kien ħareġ b’mod pubbliku bi stedina lil Konrad Mizzi biex “fl-interess ta’ Konrad Mizzi stess, kemm politiku u personali, fl-interess ta’ familtu, imma wkoll tal-Partit Laburista u tal-Gvern, kif ukoll fl-interess nazzjonali, Konrad Mizzi għandu jieħu d-deċiżjoni li jirriżenja malajr kemm jista’ jkun.”

Dikjarazzjoni li kienet saret ftit jiem wara li sar magħruf l-iskandlu Panama Papers, li ema skandlu kixef kif il-Ministru Konrad Mizzi, kif ukoll iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru, Keith Schembri, kienu fetħu kumpaniji offshore li fihom ippjanaw li jirċievu somom ta’ flus.

Iżda minkejja dan, mhux biss Konrad Mizzi baqa’ ma rriżenjax, anzi l-Prim Ministru Joseph Muscat saħansitra ppromovieh biex illum-il ġurnata jaħdem mill-uffiċċju tiegħu stess f’Kastilja.

F’dawn is-sentejn, fil-konfront ta’ Kornad Mizzi saħansitra kellha tibda inkjesta maġisterjali, fuq talba tal-Oppożizzjoni, liema inkjesta baqgħet qatt ma bdiet.

Dan għaliex f’dawn is-sentejn, Konrad Mizzi rikeb fuq mossa wara l-oħra biex kemm jista’ jkun itawwal il-proċeduri legali u jibqa’ jaħrab milli jaffaċċja l-ġustizzja.

L-aħħar mossa tiegħu kienet biss ftit jiem ilu, meta Mizzi fetaħ kawża kostituzzjonali fejn qed jiddikjara li nkisirlu d-dritt tiegħu għal smiegħ xieraq waqt li jiddikjara li l-protest ġudizzjarju kontrih għandu l-iskop li jħammeġ l-integrità tiegħu.

L-inkjesta għandha l-għan li jsir magħruf jekk inkisrux il-liġijiet kontra l-ħasil ta’ flus meta uffiċjali għolja fi ħdan il-Gvern Laburista fetħu kumpaniji offshore fl-Panama. L-inkjesta għandha tinvestiga mhux biss lill-Ministru Mizzi u lil Keith Schembri, imma wkoll lill-Prim Ministru Joseph Muscat kif ukoll lil Brian Tonna, Karl Cini, Malcolm Scerri kif ukoll Adrian Hillmann.