Għawdex Lokali Saħħa

Sitwazzjoni tal-biki fl-Isptar Steward f’Għawdex

Is-sitwazzjoni fl-Isptar Steward f’Għawdex hi waħda tal-biki u tassew ‘il bogħod minn feliċi b’pazjenti jispiċċaw vittma għall-kura tagħhom għax jew ikollhom jistennew fit-tul jew jagħmlu arranġamenti alternattivi u jiġu l-Isptar Mater Dei f’Malta.

Familjari ta’ pazjent anzjan qalu lil il-mument li huwa – minkejja l-età tiegħu – kellu jkun kostrett li jirrikorri l-Isptar Mater Dei f’Malta flok ma jieħu l-kura fl-Isptar Steward f’Għawdex. “Hawnhekk saru jdewmuk biex donnu jaqtgħulek qalbek u ddabbar rasek u tmur jew fil-privat jew inkella tispiċċa għall-kura f’Mater Dei.”

Familjari ta’ pazjent ieħor qalulna li dan l-aħħar marru fit-Taqsima tal-Emerġenza tal-Isptar Steward u hemmhekk damu jistennew b’mod esaġerat sal-punt li telqu ‘l barra u marru jfittxu l-kura fil-privat.

Dwar dan kollu il-mument tkellem ma’ sorsi fl-Isptar Steward li ammettew magħna li l-Isptar hu nieqes minn ċertu tobba li, jew telqu u marru lura Malta jew inkella ma baqgħux iservu fl-Isptar ta’ Steward.

Qalulna wkoll li qatt daqs illum ma kienet imwiegħra s-sitwazzjoni u ħafna ċaqliq isir minn wara dahar il-persuni konċernati għaliex fl-Isptar hemm nuqqas kbir ta’ fiduċja f’xulxin.

Saħansitra anki x-xiri ta’ ċerti affarijiet irid isir biss minn tali kumpanija u meta ssir talba għal xiri ta’ ċerti affarijiet tiskatta burokrazija sħiħa.

L-istess sorsi żiedu jgħidu lil il-mument li fost ħafna mill-istaff hemm skuntentizza kbira… biex wieħed ma jgħidx ukoll li hemm inċertezza kbira għaliex donnhom l-affarijiet qed isiru fuq bażi ta’ short term.

Sadattant familja oħra li għamlet kuntatt ma’ il-mument qaltilna li membru tal-familja kellu bżonn xi kura fit-Treatment Room tat-Taqsima tal-Emerġenza ta’ dan l-Isptar. “Daħħluna f’kamra suppost nadifa u hemmhekk sibna sitwazzjoni li impressjonatna… titjir tad-demm mal-art u mal-ħajt, surgical gloves (inkwanti blu) mormija mal-art u f’sinkijiet tal-ilma, imwejjed b’uċuħ maħmuġa u mimlija ġibs, suffett imxarrab, ħmieġ fl-art u dehra ta’ telqa.”