Lokali Mużika

Dan il-Milied…”preżenza” flok “presents”

‘Nistenniek’ tifforma parti mill-album ġdid tal-kantawtriċi li jismu ‘Għall-Bejgħ’

Il-kantawtriċi Corazón Mizzi ħadmet fuq vidjo qasir b’messaġġ qawwi għall-Milied li ġej. ‘Aktar kemm jgħaddi ż-żmien, aktar il-valur tal-Milied qed infittxuh fil-ħwienet u r-rigali, meta l-Milied tassew jinsab f’qalbna u ma jinxtarax fil-flus. It-tfal tagħna llum għandhom il-lussu kollu tad-dinja, iżda ma jiswa xejn jekk ma nsibux ħin biex inkunu preżenti fil-ħajja tagħhom,’ tikkummenta Corazón.

Fil-vidjo tidher tifla (Almikaya Aquilina) ta’ madwar 10 snin li qed tistenna. Quddiem it-tieqa tagħha jitfaċċa kor (Mirabitur Youth Choir) ikanta l-għanjiet tal-Milied iżda t-tifla m’għandhiex aptit tisma’ mużika. Hija ċara li l-ġurnata hija lejliet il-Milied għaliex it-tifla jonqosha tiftaħ l-aħħar tieqa tal-Advent Calendar tagħha.

Għall-ewwel naħsbu li qed tistenna lil Father Christmas għaliex fil-fatt narawha tlestilu l-ħalib u l-gallettini. Iżda fl-aħħar tal-vidjo hija evidenti li t-tifla ma kienet qed tistenna lil ħadd ħlief il-ġenituri tagħha (Carlos Farrugia u Lorianne Bugeja). Wiċċ it-tifla jixhel malli tarahom u hemmhekk jaħraq nar il-messaġġ: ‘Mhux Presents imma Preżenza’.

Il-kunċett tal-vidjo huwa marbut mat-tema u l-kliem tal-kanzunetta ‘Nistenniek’ li din is-sena rebħet il-premju għall-Aktar Kanzunetta Oriġinali fil-Festival L-Għanja tal-Poplu.