Lokali

Il-Prim Ministru jinsab ċass quddiem il-korruzzjoni

Il-Prim Ministru Joseph Muscat mhux biss qed jaħrab mid-dover li jerfa’ responsabbiltà politika quddiem l-iskandlu li ħonqu lill-Gvern tiegħu, iżda issa għandha wkoll il-konferma li minn din il-korruzzjoni kollha qed ibatu l-Maltin b’miljuni misruqa minn buthom.

Hija din il-konkluzjoni li toħroġ mill-editorjal tat-Times, fejn fil-ħarġa tat-Tnejn l-editur jitkellem b’mod ċar – jekk Muscat mhux se jagħmel dak li mistenni minnu, se jkompli jniżżel isem pajjiżna fil-ħmieġ.

Il-gazzetta bl-Ingliż kienet qed tagħmel referenza għal ċifri li ħarġu il-ġimgħa li għaddiet fejn intqal illi Malta qed titlef 725 miljun ewro fil-korruzzjoni – li jfisser 8.7 fil-mija ta’ dak li qed noħolqu bħala poplu qed jinsteraq f’dawn l-atti korrotti.

L-ammont li bħala familji qed ninsterqu f’korruzzjoni hu 45 darba aktar minn dak li nonfqu fil-housing, u 10 fil-mija aktar mill-flus allokati għall-Pulizija. Fi kliem qasir, huma miljuni li bihom nistgħu nibnu aktar postijiet tal-housing, skejjel ġodda, mediċina għall-anzjani, jew flus li setgħu marru biex intejjbu l-għasses tagħna u binjiet bħal Monte Karmeli.

Minflok, dawn is-725 miljun, marru fil-korruzzjoni.

L-editorjal jgħid illi Konrad Mizzi u Keith Schembri qed jiżirgħu kultura li fiha kollox jgħaddi. Bil-Prim Ministru ċass quddiem dan kollu – anzi, meta ħarġu l-fatti ġodda dwar 17 Black, baqa’ jiddefendi lill-Ministru tiegħu.