Lokali

Ir-rapport sħiħ tal-Kummissjoni Venezja jikkonferma l-kundanna għall-Gvern Malti

Il-PN kien ilu xhur li għamel din ir-rakkomandazzjoni; il-Gvern baqa' jinjora

Il-Kummissjoni Venezja tinsab inkwetata fuq diversi aspetti li għandhom x’jaqsmu mal-aspetti legali u kostituzzjonali ta’ pajjiżna, u l-mod baziku ta’ kif tahdem demokrazija.

Dan ħareġ mill-pubblikazzjoni tar-rapport sħiħ tal-Kummissjoni, li jikkonferma diversi aspetti fejn il-Gvern qed jonqos.

Fost dawn, li l-Avukat Ġenerali f’pajjiżna għandu wisq poteri, tant li jsir suġġeriment li l-uffiċċju tiegħu jinqasam fi tnejn biex jiħoloq uffiċċju indipendenti ta’ prosekutur pubbliku.

Ir-rapport jirrakkomanda wkol iktar indipendenza tal-Korp tal-Pulizija, billi jissuġġerixxi li l-Kummissarju tal-Pulizija jkun magħżul wara sejħa pubblika.

Dan hu punt li l-Partit Nazzjonalista ilu għall-aħħar snin jisħaq fuqu, b’mod speċjali wara li l-Korp tal-Pulizija tilef l-indipendenza tiegħu, b’kummissarju wara l-ieħor jitneħħa mill-poter u l-Pulizija li naqset li tinvestiga diversi skandli, inkluż dawk li fihom hemm involuti l-eqreb nies tal-Prim Ministru Joseph Muscat.

Konferma oħra ta’ dak li kien ilu jgħid il-Partit Nazzjonalista, hi r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Venezja li jitneħħa l-poter eżżekuttiv f’dak li għandu x’jaqsam mal-ħatriet tal-ġudikatura … kif ukoll li l-Prim Ministru għandu wisq poteri tant li jista’ jibdel deċiżjoni li tkun ħadet il-Kummissjoni għall-Ħatriet tal-Ġudikatura.

Ir-rapport hawn jikkundanna lill-Gvern meta jinnota li l-mod kif din il-Kummissjoni hi ffurmata, ma taqbilx mal-Istandards Ewropej.

Isir appell ukoll biex l-ghazla ta’ President ta’ Malta ssir b’maġġoranza kwalifikata, għall-kuntrarju ta’ dak li jsir issa fejn il-Gvern jagħżel lill-President li jixtieq.

Iżda minkejja li l-Ministru Owen Bonnici kkommetta lill-Gvern li jimplimenta t-tibdil, meta mistoqsi dwar din ir-rakkomandazzjoni naqas milli jikkommetti ruħu għal Presidenza indipendenti mill-kamp politiku.

Rakkomandazzjonijiet oħra tal-Kummissjoni Venezja jikludu li jiġi limitat in-numru ta’ persons of trust kif ukoll il-poteri tagħhom… u li s-Segretarji Permanenti ma jiġux appuntati politikament u ma jiġux trasferiti ma bidla fil-Gvern, imma jibqgħu jokkupaw il-kariga sakemm jirtiraw.Issir ukoll rakkomandazzjoni li jissaħħu l-funzjonijiet tal-ġudikatura, il-Presidenza, il-Parlament kif ukoll l-Ombudsman.

Ir-rapport, li jikxef dawn in-nuqqasijiet, joħroġ biss 24 siegħa wara li l-Prim Ministru waqt attività politika ftaħar li quddiem il-Kummissjoni Venezja m’ghandux problema.

Mistoqsi dwar dan, il-Ministru Owen Bonnici ġġustifika billi qal li l-Prim Ministru ma kellux ir-rapport sħiħ f’idejh.

Iddikjara wkoll li l-Gvern jilqa’ dawn ir-rakkomandazzjonijiet imma ma setax jagħti perjodu ta’ żmien sa meta se jiddaħħlu fis-seħħ.