Kull jum li jgħaddi, il-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali u għaqdiet oħra mhux governattivi f’pajjiżna qed jaffaċċjaw bejn ħamsa u sitt każi ġodda ta’ vjolenza domestika.
Iddikjarat dan l-Assoċjazzjoni Maltija tas-Social Workers, li fi stqarrija nnutat li għalkemm l-iżviluppi riċenti f’pajjiżna huma pożittivi u jgħinu biex titjieb il-kwalità tal-ħajja ta’ persuni vulnerabbli, il-problema mhix titnaqqas.
Jingħad li l-liġi attwali għadha tinkoraġġixxi li wieħed jirrapporta każi ta’ vjolenza bbażata fuq il-ġeneru u ta’ vjolenza domestika, iżda fl-istess waqt is-soċjetà għadha ferm bogħod milli tadotta tolleranza zero għall-vjolenza.
L-Assoċjazzjoni tirrimarka li qabel kollox hemm bżonn li tkun indirizzata l-mentalità li għadha teżisti, li l-vittmi b’xi mod għandhom tort u li abbuż simili mhux dejjem kundannabbli jew saħansitra hemm każi fejn hu tollerat. Jekk ma jsirx dan, temmen li n-numru ta’ każi ta’ vjolenza abbażi tal-ġeneru u vjolenza domestika se jibqa’ jiżdied.
Fid-dawl ta’ dan, l-Assoċjazzjoni Maltija tas-Social Workers tappella għal front komuni fi ġlieda kontra l-vjolenza abbażi tla-ġeneru u l-vjolenza domestika, biex fost oħrajn is-sentenzi mogħtija mill-Qorti jwasslu messaġġ ta’ dak li jgħaddu minnu l-vittmi u jwasslu messaġġ li din it-tip ta’ vjolenza mhix aċċettabbli.
Jsir appell ukoll għal żieda fir-riżorsi umani f’dan il-qasam, kif ukoll appoġġ ikbar għal persuni li jaħdmu mal-vittmi u li qed jagħmlu xogħol kbir biex ibiddlu l-mentalità dwar il-vjolenza abbażi tal-ġeneru u l-vjolenza domestika.
//= $special ?>
