Internazzjonali

Jinsistu li mhux se jkun hemm referendum ieħor dwar il-Brexit

Diversi membri tal-Kabinett tal-Prim Ministru Theresa May matul il-ġurnata tal-Ħadd insistew li l-Gvern m’għandu ebda pjani għat-tieni referendum dwar is-sħubija fl-Unjoni Ewropea.

Apparti minn hekk, huma qalu li kien għad hemm il-possibbiltà li l-ftehim li ntlaħaq mal-Unjoni Ewropea dwar il-Brexit seta’ jgħaddi mill-Parlament.

Il-ġimgħa li għaddiet, May ipposponiet vot fil-Parlament dwar il-ftehim għaliex kollox kien qed jidher li dan kien se jintilef. Dan fl-istess ħin li hija ppruvat tikseb aktar għajnuna minn Brussell biex tikkonvinċi lil dawk il-Membri Parlamentari xettiċi dwar il-ftehim.

Brussell qal li kien lest jgħin kif jista’ imma mhux li l-ftehim jiġi nnegozjat mill-ġdid.
B’anqas minn erba’ xhur sa meta jseħħ il-Brexit, in-nuqqas ta’ qbil dwaru qed ikompli jikkomplika l-proċess.

Bi staġnar fil-Parlament dwar il-ftehim u l-Unjoni Ewropea ftit li xejn tagħti ħjiel li lesta toffri xi kompromess importanti, aktar politi ċi qed jitkellmu dwar il-possibbiltà li r-Renju Unit joħroġ mill-UE mingħajr ftehim jew referendum ieħor dwar il-Brexit.

May ukoll ċanfret lill-eks Prim Ministru Laburista Tony Blair talli qal li hemm bżonn ikun hemm referendum ieħor.

Hija qalet li kummenti simili kienu insult għall-kariga li darba huwa kellu, u qalet li l-Membri Parlamentari ma setgħux jabdikaw mir-responsabbiltà li joħorġu lill-pajjiż mill-Unjoni Ewropea billi jagħmlu referendum ieħor.

Il-Gvern f’Londra hu kontra referendum ieħor għaliex isostni li l-pajjiż kien diġà ddeċieda kjarament x’ried fl-2016. May fil-kritika lil Blair qalet li l-Parlament kellu dover demokratiku li jwassal dak li vvota għalih il-poplu.

Sadattant, il-Partit Laburista qal li kien se jagħmel dak kollu li jista’ biex jisforza lill-Gvern għal vot dwar il-ftehim mal-UE matul il-ġimgħa li ġejja. L-uffiċjali tal-partit qalu li kienu se jużaw kull mekkaniżmu possibbli għad-dispożizzjoni biex il-vot isir qabel il-Milied.